“Tkun tixtieq tgħannaqhom”- id-dokumentarju tal-Prinċipessa Diana

Id-diskors sinċier ta’ William u Harry dwar id-diffikultajiet biex kampaw wara l-mewt ta’ ommhom wassal biex dawk li raw id-dokumentarju l-bieraħ jaqsmu l-emozzjonijiet tagħhom.
Fuq Twitter ħafna tkellmu dwar dak li ħassew waqt li segwew id-dokumentarju dwar il-Prinċipessa Diana, ftit jiem qabel l-għoxrin anniversarju mill-mewt tagħha.
Bosta qalu li xtaqu jagħtuhom tgħanniqa, waqt li oħrajn faħħru l-kuraġġ tagħhom u qalu li t-tnejn kienu l-aqwa tifkira li ħalliet Diana.
Id-dokumentarju rawh madwar 7.4 miljun persuna. Fih l-aħwa jiddiskutu l-vojt f’ħajjithom li ħalliet il-mewt ta’ ommhom hekk kif bdew jippruvaw ikomplu ħajjithom mingħajrha.
Fid-dokumentarju tal-ITV, Diana, Our Mother, l-aħwa jiftħu qalbhom dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Diana u l-‘uġiegħ li għadu jinħass frisk’ dwar il-mewt tagħha.
William u Harry urew ritratti mill-kollezzjoni privata, li qatt ma ġew ippublikati qabel u li juru kif il-prinċipessa ppruvat ittihom trobbija ‘normali’.
L-għoxrin anniversarju mistenni jitfakkar bi statwa tagħha li se titqiegħed fil-ġnien pubbliku tal-Palazz ta’ Kensington, fejn kienet tgħix Diana.