Tkomplux iddaħħku – Casa lil ta’ Pilatus Bank

L-MEP David Casa kkundanna l-attentat tal-Bank Pilatus li qal li l-inkjesta turi li hu kien innoċenti.

Skont Casa, din l-istqarrija hija redikola, għaliex il-preżenza tal-bank f’Malta kienet ta’ theddida għall-industrija tas-servizzi finanzjarji, u ġabet f’Malta fondi illeċiti u l-kriminali li jagħmlu użu minnhom.

Casa fakkar li minn Ottubru li għadda, hu kiteb lil numru ta’ awtoritajiet dwar il-każ, partikolarment lill-MFSA u lill-Bank Ċentrali Ewropew. Insista li xogħlu qatt ma kien relatat mal-kontenut tar-rapport tal-Egrant.

Għall-allegazzjoni tal-Bank Pilatus li din il-ħtija nxteħtet fuqu b’diskriminazzjoni razzjali lejn is-sid Iranjan, Ali Sadr, Casa qal li għall-kuntrarju, “Il-Bank Pilatus qiegħed fl-inkwiet għax sidu jagħmel il-ħasil tal-flus b’mod traskurat, u ilu jagħmel hekk. U għax il-bank, skont il-prosekuturi fl-Istati Uniti, twaqqaf permezz ta’ flus ġejjin minn atti kriminali.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew saħaq li l-Bank Pilatus jibqa’ l-bank li uża Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, biex jagħmel il-ħasil tal-flus għall-familja tal-Ażerbajġan. Barra minn hekk, qal Casa, sid il-bank huwa arrestat f’daru u qed jaffaċċja sentenza ta’ 125 sena.

Kompla li l-mod kif il-Bank qed jipprova jaddatta r-riżultati li ħarġu mill-inkjesta għall-gwadann tiegħu hu riżultat pervers li jservi ta’ ostaklu għall-ġustizzja.

Ix-xahar li għadda, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex il-liċenzja ta’ Pilatus Bank tiġi rtirata.

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kienet ikkonkludiet li l-FIAU naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus minħabba numru ta’ nuqqasijiet li jinkludu nuqqasijiet fil-proċeduri kif ukoll nuqqas f’azzjonijiet ta’ superviżjoni mill-FIAU, hekk kif il-każ tal-bank Pilatus kien magħluq mingħajr mal-Aġenzija ma applikat sanzjonijiet fil-konfront tal-bank.