“Se jagħmel xi waħda” – omm l-akkużat lil Chantelle

Read in English.

Illum kompliet tinstema’ l-evidenza dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, li nstabet b’sikkina mniffda f’rasha f’Ħaż-Żabbar fit-2 ta’ Frar. Huwa tpoġġa taħt att ta’ akkuża.

L-akkużat huwa l-eks sieħeb tal-vittma. Għandu 33 sena u huwa minn Ħal Safi, fejn il-koppja kienet toqgħod flimkien maż-żewġ uliedhom.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Sandro Zammit, li kien fil-każin meta ġara l-qtil, qal li sema’ lill-vittma tgħid lill-akkużat Justin Borg li ma tridx toħroġ tkellmu għax jaqbad itiha
  • Missier il-vittma qal li hu kemm-il darba qal lil bintu tagħmel rapport l-għassa dwar l-eks sieħeb tagħha, imma hi ma riditx minħabba t-tfal
  • Li ommha kienet tgħidilha li qelibhielha u li hu giddieb
  • Il-koppja kienet ilha flimkien għal 17-il sena
  • Ftit jiem qabel il-qtil, omm Borg ċemplet lill-vittma tgħidilha biex tieħu ħsiebu għax “se jagħmel xi waħda”
  • Missier il-vittma qal li hawn min jaf li l-vittma qalgħet daqqiet serji mingħand l-akkużat
  • Ħabib tal-vittma tkellem fuq episodji differenti meta l-vittma qalgħet daqqiet mingħand l-akkużat
  • L-akkużat kien ilu ġimagħtejn isegwi lill-vittma
  • Kienet “imwerwra” minnu
  • L-akkużat allegatament kien jgħid lill-klijenti li Chetcuti qiegħda miegħu għall-flus
  • Jumejn qabel il-każ, Borg mar fejn kienet Chetcuti tliet darbiet f’lejl wieħed u hi qabdet tagħti fuq il-karozza u tirrabja
  • Huwa tpoġġa taħt att ta’ akkuża
13:56 Il-każ ġie aġġornat għall-Ġimgħa, 3 t'April fid-9.30am.
Sephora Francalanza
13:54 Il-Qorti tilqa' din it-talba u tordna li l-imputat jittieħed fir-residenza f'Ħal Safi biex issir din il-verifika, anke permezz li jittieħdu r-ritratti.
Sephora Francalanza
13:52 L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li llum ingħata l-indirizz minn fejn jista' jkun li Justin Borg ħa s-sikkina li qatlet lil Chetcuti, għaliex fil-post jista' jkun li għad hemm il-kumplament tas-sett tas-skieken.

L-Ispettur talab li l-akkużat jittieħed fuq il-post biex dan jiġi vverifikat. Id-Difiża oġġezzjonat.
Sephora Francalanza
13:51 Fadal żewġ xhieda, ħbieb tal-vittma, iżda l-Maġistrat tgħid li ma fadalx ħin għax-xhieda llum.
Sephora Francalanza
13:51 L-Avukat jinsisti li jrid kjarifika ta' jekk kinux imorru biex jirrikonċiljaw jew biex jisseparaw.
Sephora Francalanza
13:50 Il-Maġistrat terġa' tgħid li m'hemmx iżjed mistoqsijiet fuq it-terapija.
Sephora Francalanza
13:46 L-Avukat jistaqsi lix-xhud jekk jafx li dan l-aħħar kienu jmorru għat-terapija tal-familja. Ix-xhud jaf għax ġieli wassalha hu stess Ħal Tarxien.

Il-Maġistrat tgħid li mhux permessi iżjed mistoqsijiet fuq dan is-suġġett.

L-Avukat Debono jinsisti li jkun jaf għaliex kienet tmur Chetcuti – għall-ewwel ix-xhud jgħid li biex tieħu nofs il-flett, u mbagħad jgħid li biex jirranġaw ir-relazzjoni.

Azzopardi jgħid li Borg ma riedx imur għall-ewwel. Id-darbtejn li wassalha hu kienet waħedha.

Bdew imorru meta riedu jinfirdu, wara Awwissu/Settembru, skont ix-xhud.
Sephora Francalanza
13:46 L-akkużat jidher ixengel rasu u jitbissem meta x-xhud jgħid li ma jafx min xtraha l-BMW, imma l-insurance hi kienet tħallasha.
Sephora Francalanza
13:45 L-Avukat tad-Difiża jinsisti li jistaqsi domanda dwar il-BMW li Borg ta lil Chetcuti.
Sephora Francalanza
13:45 Azzopardi jgħid li żgur ma kinitx miegħu għall-flus għax, "Naf x'inhi Chantelle jiena."
Sephora Francalanza
13:44 Xi ħadd kien bagħat messaġġ lil Chetcuti jgħidulha li Borg kien jgħid lill-klijenti li hi kienet miegħu għall-flus.
Sephora Francalanza
13:42 Debono jistaqsi lix-xhud biex jagħti d-dettalji dwar meta l-eks sieħeb qelibhielha.

Azzopardi jgħid li ma jafx meta ġara dan, imma ftit qabel is-sajf tal-2019 saret taf li Borg kien dam jeqlibhielha tliet snin. Sema' lil Chetcuti tgħid ukoll li lill-mara li kien jeqlibhielha magħha kien se jsifirha.
Sephora Francalanza
13:42 L-Avukat jistaqsi lix-xhud jekk jafx li l-akkużat xtara BMW lill-vittma.

Tqum għagħa fil-qorti, peress li l-Maġistrat tgħid li dawn il-mistoqsijiet mhumiex relevanti.
Sephora Francalanza
13:39 L-Avukat jistaqsi lix-xhud jekk jafx li Justin Borg xtara flett u għamlu fuq isimha.

Ix-xhud jgħid li jaf u l-vittma ma riditx li jiġri hekk, imma Borg insista.
Sephora Francalanza
13:38 Johann Azzopardi jgħid li ma jafx b'episodji oħra meta Chantelle Chetcuti refgħet idejha fuq l-eks sieħeb tagħha Justin Borg.
Sephora Francalanza
13:37 Ix-xhud jgħid li dawn l-episodji kienu jinqalgħu kultant żmien tul ir-relazzjoni.
Sephora Francalanza
13:36 Il-Maġistrat tistaqsi lil Azzopardi jekk Chetcuti qattx qaltlu li kienet kuntenta. Jgħid li mhux dejjem kienet kuntenta.
Sephora Francalanza
13:36 Mill-ġdid, l-Avukat Franco Debono jistaqsi jekk ix-xhud iqisx ir-relazzjoni normali, apparti dawn l-episodji li semma.
Sephora Francalanza
13:35 Ix-xhud jgħid li Chantelle kienet mara tad-dar, imma ġieli kienet tgħid lil Justin Borg f'xogħlu, peress li hu armat għar-rasu jbigħ il-ħaxix.
Sephora Francalanza
13:34 Debono jistaqsi x'għamel Borg meta Chetcuti refgħet idejha fuqu. "Xejn," iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
13:34 Ix-xhud itemm jgħid li Chetcuti refgħet idejha fuqu.
Sephora Francalanza
13:34 Intant, l-akkużat Justin Borg fil-qorti jidher jirreaġixxi għal dak li qed jgħid ix-xhud u jitbissem.
Sephora Francalanza
13:32 Il-Maġistrat tippressa lix-xhud biex jgħid jekk jiftakarx li Chetcuti tat daqqa lill-akkużat. Tgħidlu li ma jistax jagħżel x'jiftakar u ma jiftakarx.

Jgħid li missitu, imma ma jafx fejn. Jibqa' jinsisti li għamlet għalih, u ma jafx iżjed.
Sephora Francalanza
13:28 Dr Debono jerġa' jistaqsi Chantelle Chetcuti xi bdiet tgħajjat mal-akkużat meta mar Wied iż-Żurrieq.

Ix-xhud jgħid li ma jiftakarx,

Jirrakkonta li Justin Borg ipparkja ftit 'il bogħod, u Chantelle marret ħdejh minn jeddha. Bdiet tkeċċih, issabbat mal-bieba tal-karozza. Sadattant, hu laħaq ħareġ mill-karozza.

Qabel ma x-xhud ingħaqad mal-kumplament xi s-6pm, Borg kien diġà mar fuq il-post.

Debono jistaqsi jekk Chetcuti tatx daqqa lil Borg. Ix-xhud jgħid li ma jafx, ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
13:28 Azzopardi jgħid li ġew il-wardens li qalu lil Justin Borg biex jitlaq 'l hemm.
Sephora Francalanza
13:27 L-Avukat jgħid li x-xhud mhux jiffoka fuq l-iskop tad-domanda tiegħu.

Il-Maġistrat tgħid lix-xhud ikompli.
Sephora Francalanza
13:20 Darba kienu qegħdin grupp jixorbu Wied iż-Żurrieq, fosthom Chantelle Chetcuti, jumejn qabel ma mietet, skont ix-xhud.

Ix-xhud jgħid li Chantelle Chetcuti kienet tixrob "sakemm tiġi happy u daqshekk."

Mar Justin Borg għal xi d-9pm bil-karozza. L-Avukat jgħid li qabel kien qed jistad ma' sħabu. Azzopardi jgħid li Chetcuti għamlet għalih – bdiet issabbat mal-karozza u tgħajjat miegħu għax mar fuq il-post. Borg telaq.

L-Avukat Franco Debono jgħolli leħnu u jgħid li x-xhud mhux l-avukat tal-vittma, peress li x-xhud qed jgħid, "Kif ġie meta ma kinux flimkien?"

Marru ġo bar u hu reġa' mar warajhom. Chantelle telqet id-dar bil-mixi, u l-grupp marru għaliha. Reġgħu marru l-ħanut u reġa' mar Justin Borg. Justin Borg mar tliet darbiet f'lejl wieħed.
Sephora Francalanza
13:19 Johann Azzopardi jgħid li ma jafx fejn kienu sejrin. Fit-triq ra l-karozza ta' Justin Borg li beda jpaqpaq. Chantelle talbitu jwassalha d-dar, imbagħad baqgħu magħha d-dar tagħha.

Justin Borg beda jimblukkalha l-grada. Ħalla l-karozza miftuħa beraħ, imma x-xhud ma jafx fejn telaq Justin Borg.
Sephora Francalanza
13:17 Fl-24 ta' Jannar, ċemplitlu mara tgħidlu biex imur għalihom iż-Żurrieq. Kienu grupp ta' nisa, inkluż Chantelle Chetcuti.

Justin Borg kien fl-istess post u qal lil Azzopardi jitlaq għax se jirkbu miegħu. Huma ma ridux.

In-nisa rikbu ma' Azzopardi, u Borg baqa' jsegwihom sakemm Azzopardi wassal lil Chantelle Chetcuti d-dar Ħal Safi.
Sephora Francalanza
13:16 Jibda l-kontro-eżami tal-Avukat Franco Debono.
Sephora Francalanza
13:15 Johann Azzopardi jtenni li Chantelle Chetcuti kienet imbeżżgħa mill-akkużat dakinhar li nqatlet peress li għamel ġimagħtejn isegwiha.
Sephora Francalanza
13:14 Isemmi każ ieħor sena ilu meta kienu sejrin party Chantelle u Justin. Marret tard u l-eks sieħeb refa' jdejh fuqha, sa anke qattgħalha l-libsa, u marret tibki fejn sħabha.

Dan tafu skont ma qaltlu Chantelle stess.
Sephora Francalanza
13:14 Justin Borg bejjiegħ tal-ħaxix. Ix-xhud jgħid li Borg kien jgħid lill-klijenti tiegħu li Chetcuti, li ma kinitx taħdem, kienet miegħu għall-flus.
Sephora Francalanza
13:12 Ix-xhud jgħid li qabel is-sajf li għadda xi ħadd qal lil Chantelle Chetcuti li qelibhielha Justin Borg.

Hi tkellmet miegħu u qalilha li xi tliet ġimgħat għamel jeqlibhielha. Kien hemm xi ħadd li qalilha li fil-fatt kien ilu tliet snin jeqlibhielha.
Sephora Francalanza
13:11 Azzopardi jsemmi wkoll meta kien mal-vittma u ċemplitilha omm l-akkużat tgħidlu, "Ara x'se tagħmlu bih it-tifel." Chetcuti qaltilha li hi m'għadhiex miegħu u mhux responsabbiltà tagħha. Stqarr li ddejqet b'din it-telefonata.
Sephora Francalanza
13:10 Ix-xhud isemmi każ ieħor meta l-eks koppja marru Marsaxlokk u Chantelle ċemplet lix-xhud biex imur għaliha għax kellhom xi jgħidu u Justin Borg gidimha. Jgħid li l-gidma raha hu stess.

Dan kien fil-bidu tas-sajf tas-sena li għaddiet.
Sephora Francalanza
13:07 Jirrakkonta kif 15-il sena ilu, bieba tal-karozza tagħha Daihatsu kienet mgħawġa. "Kellhom xi tilwima u fid-dagħdigħa li kien għawweġ il-bieba." Dan skont ma qaltlu l-vittma.

Skont ma rrakkontatlu Chantelle, darba Borg taha daqqa ta' sieq ġo daharha, ħallieha lejl u l-għada filgħodu ħadha l-isptar. Kienu qalulha li mnalla ma laqatx l-ispina għax kienet tispiċċa ġo wheelchair.

Dan qalitu xi ħmistax jew ġimgħa qabel ma nqatlet.
Sephora Francalanza
13:07 Ix-xhud jgħid li kien ħbieb kemm mal-vittma u kemm mal-akkużat.
Sephora Francalanza
13:07 L-Avukatessa Marion Camilleri titkellem mal-akkużat Justin Borg.
Sephora Francalanza
13:04 Dakinhar tal-inċident, waranofsinhar, bagħtitlu Chantelle u ħarġu l-klieb dawra ma' Ħal Safi għall-ħabta tas-1pm.

Qaltlu li ħa toħroġ ma' xi ħadd dakinhar. Xi t-3.30pm ħarġu għax mar iwassalha hu Ħaż-Żabbar u sar jaf li se toħroġ ma' Sylvan Medina.

Qal li kienet imwerwra li tara lill-eks sieħeb tagħha. Għamel ħmistax isegwiha. Ix-xhud jgħid li kien dejjem iċemplilha u kienet issibu ma' wiċċha kull fejn tmur. Ix-xhud ġieli kien mal-vittma xi mkien u tfaċċa l-eks sieħeb tagħha.
Sephora Francalanza
13:03 Imiss li jixhed Johann Azzopardi, li kien ilu jaf lil Chantelle Chetcuti 21 sena.
Sephora Francalanza
13:03 Tintemm ix-xhieda ta' missier il-vittma. Fadal tliet persuni x'jixhdu llum.
Sephora Francalanza
13:01 Il-missier jirrakkonta kif kienu dejjem jiġġieldu u wara ftit jerġgħu jirranġaw. Damu flimkien madwar 17-il sena.

L-avukat jistaqsi jekk kinitx relazzjoni normali. Missier il-vittma jgħid li għalihom kienet tidher normali, imma huma ma kinux ikunu magħhom.

Missierha jgħid li, "Hawn min jaf li qalgħet daqqiet serji mingħandu, serjissimi."
Sephora Francalanza
13:01 Jistaqsi dwar il-manteniment tat-tfal. Eugenio Chetcuti jgħid li bintu ma kinitx taħdem, u jidhirlu li mil-lat ta' manteniment missier it-tfal qatt ma naqashom.
Sephora Francalanza
13:00 Jibda l-kontro-eżami tal-Avukat Franco Debono.
Sephora Francalanza
13:00 "Dejjem tilmenta m'ommha li kull fejn tmur ikun jaf u jiġi." Meta missierha kien jgħidilha biex imorru għand il-pulizija, kienet tiġġieled miegħu u tgħidlu li dak missier uliedha. "Naħseb kienet tħobbu wkoll," jistqarr missier il-vittma.
Sephora Francalanza
12:59 Ix-xhud jippreżenta ittra miktuba minn avukata f'isem il-vittma.

L-ittra hija ddatata fis-6 ta' Settembru, 2019.
Sephora Francalanza
12:58 "Kienu tfal flimkien." Kienu ilhom jafu lil xulxin minn meta kellhom xi 14 jew 15-il sena.

Imbikkem, missier il-vittma qal li kienu jħobbuh lill-akkużat, "kien wieħed minna." Jgħid li hu għad għandu lil ommu, imma t-tfal m'għadx għandhom lil ommhom.
Sephora Francalanza
12:57 Fl-2006 meta ġara l-inċident kienet toqgħod m'ommha u missierha.
Sephora Francalanza
12:57 L-akkużat iqum minn bilqiegħda u javviċina lill-Avukat Franco Debono mal-bank tiegħu. Qegħdin jitkellmu.
Sephora Francalanza
12:56 Ix-xhud jgħid li l-ħsara fil-karozza kienet saret fil-bieba tant li ma setgħetx tinstaq. Kien ħa lil Chantelle Chetcuti l-għassa, u kien hemm omm l-akkużat miegħu, aċċettaw li jħallsu kollox, u ma ridux li jaqilgħu ġlied bejn il-familji.
Sephora Francalanza
12:55 Missier il-vittma jippreżenta xi noti li ħa hu stess dwar meta l-eks sieħeb tal-vittma kien għamlilha xi ħsara fil-karozza, u l-istorja kienet waqfet hemm.

Dan kien fl-2006.

Fin-noti għandu xi numri tal-pulizija, il-karta tal-identità ta' Chantelle Chetcuti, id-data preċiża bil-ħin ta' meta ġara l-każ.

Kien ħa dawn in-noti f'każ li jinqala' xi ħaġa.
Sephora Francalanza
12:53 Il-missier tal-vittma jgħid li kemm-il darba qalilha biex tagħmel rapport għand il-pulizija.

Darba minnhom kien fuq ix-xogħol u ċemplitlu martu tgħidlu li l-akkużat kien qiegħed id-dar tagħhom, jagħmel xenata, u omm il-vittma qalet li ried isawwathom. Jgħid li kien faqa' l-bieb tal-kamra fejn kienu jkunu Chantelle u t-tfal.

Dan ġara seba' snin ilu.

Kienu telgħu l-qorti, imma skont il-missier, "Tant jilgħabha tal-miskin li kellhom jaħfrulu."
Sephora Francalanza
12:53 Ċemplitilha omm l-akkużat li qaltilha biex jieħu ħsiebu "għax se jagħmel xi waħda." Hija qaltilha li m'għadhiex miegħu u qalet lil ommu biex tieħu ħsiebu.
Sephora Francalanza
12:51 Xi tlett ijiem qabel ġara l-każ, il-missier semagħha tgħid lil ommha li kienu fil-karozza u Chantelle bdiet tgħidlu li jridu jieqfu. Kellhom inċident. Huwa ħadilha l-logbook tal-karozza biex jibqa' preżenti f'ħajjitha.

Skont missierha, kien "ossessjonat biha."
Sephora Francalanza
12:50 Kienet ilha toqgħod mal-ġenituri tagħha xi ħames jew sitt xhur. Il-kuntatt ta' bejniethom kien isir b'rispett tat-tfal, iżda t-tifla l-kbira, ta' 14-il sena, kienet tmur ma' oħtha minn jeddha għand missierha biċ-ċavetta.
Sephora Francalanza
12:50 "Dejjem nafhom jilletikaw u hi tgħidlu 'int giddieb.'" – missierha
Sephora Francalanza
12:50 L-Avukat Franco Debono jitkellem mal-akkużat.
Sephora Francalanza
12:49 Qal li Chantelle kienet dejjem tilmenta m'ommha li s-sieħeb tagħha kien qalibhielha, u li hu giddieb. Skont il-missier, ippruvat tgħix miegħu bħala aħwa, imma ma rnexxilhiex, kienet tħossha skomda.

Il-missier jipponta lejn l-akkużat fl-awla.
Sephora Francalanza
12:48 Fid-dar joqogħdu x-xhud, il-mara, it-tifel, Chantelle u wliedha.
Sephora Francalanza
12:48 "L-ikbar għafsa tiegħi kienet li mmur naraha bis-sikkina ġo rasha u ħadd ma jista' jaqlagħhielha."

Qal li huma hekk rawha, ommha waqgħet mal-art b'ħass ħażin meta ratha. Chantelle ma setgħetx tkellimhom.
Sephora Francalanza
12:47 Il-missier jirrakkonta kif marru jiġru Ħaż-Żabbar, u raw ambulanza, u t-tifla l-kbira warajhom.

"Kif rajna dak id-demm kollu mill-ewwel għidna li hi mejta," jgħid imbikkem missier il-vittma.
Sephora Francalanza
12:46 Xi ħadd ċempel fuq il-mowbajl ta' Chantelle li kien għand il-pulizija Ħaż-Żabbar, biex jekk hemm xi ħadd tal-familja jmur l-għassa. Ma jafx min ċempel.
Sephora Francalanza
12:45 Dakinhar ċemplitilhom binthom il-kbira għal xi t-8pm li qaltilhom li Chantelle qalgħet daqqa ta' sikkina ġo rasha, u li hi sejra Ħaż-Żabbar.

Dak il-ħin ma kinux jafu mingħand min qalgħet id-daqqa ta' sikkina.
Sephora Francalanza
12:44 L-Ispettur Kurt Zahra jistaqsi dwar fejn kienet qed toqgħod Chantelle Chetcuti.

Missierha jgħid li kienet qed tgħix magħhom f'Ħal Safi.
Sephora Francalanza
12:43 Imiss issa li jixhed Eugenio Chetcuti, li huwa missier il-vittma.
Sephora Francalanza
12:43 Ix-xhieda ta' Sandro Zammit tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:42 Ix-xhud jgħid li nzerta semagħhom jitkellmu xħin kienet se tispiċċa d-diska, meta sema' lill-eks sieħeb ta' Chantelle Chetcuti jgħidilha biex tkellmu barra, u hi tirrifjuta.
Sephora Francalanza
12:41 Ix-xhud jgħid li ma jafx min daħal jiġri biex joħorġu minn hemm, ra waħda mal-art, li għarafha minn xħin kienet qed tilgħab il-billiard. Qal li nħasad u telaq mat-tifel u s-sieħba.
Sephora Francalanza
12:40 Chantelle Chetcuti kienet l-ewwel li poġġiet bilqiegħda, imbagħad l-eks sieħeb tagħha poġġa ħdejha. Imbagħad ħarġu barra, skont ix-xhud, flimkien.

F'dan l-istadju s-sitwazzjoni kienet kalma.
Sephora Francalanza
12:39 L-Avukat Debono jistaqsi fuq x'kienu qed jixorbu n-nies involuti, iżda x-xhud ma jafx.
Sephora Francalanza
12:38 Sandro Zammit qal li l-akkużat ma kienx aggressiv, kien qed ikellimha b'mod normali.

L-atteġġjament tagħha ddeskrivieh bħala wieħed normali wkoll, ma kinitx aggressiva.
Sephora Francalanza
12:38 Jgħid li bejn wieħed u ieħor damu ħames minuti, l-akkużat jipprova jkellimha u hi tipprova tinjorah.
Sephora Francalanza
12:36 Meta l-akkużat, li x-xhud m'għarafx, kellem lil Chetcuti, Sylvan, ir-raġel li kien magħha, resaq 'l hemm.

Ix-xhud ra lil Sylvan u l-akkużat jitkellmu, imma ma jafx x'qalu.

Qal li lill-akkużat Chantelle Chetcuti donnha bdiet tinjorah. Hu beda jkellimha. Ħin minnhom talbet lighter lit-tfajla tax-xhud, wara li waqfet tilgħab il-logħba tal-billiard.
Sephora Francalanza
12:35 Ix-xhud jgħid li dakinhar tal-każ, għaddiet naqra iktar minn siegħa meta wasal l-akkużat fil-każin.
Sephora Francalanza
12:34 Id-darba l-oħra li rahom kien fuq bank "in-naħa l-oħra."
Sephora Francalanza
12:34 Lil Chantelle Chetcuti ma raha qatt ġol-każin waħedha.
Sephora Francalanza
12:33 Jistaqsi lix-xhud dwar il-ħbiberija tiegħu ma' Sylvan Medina.

Ix-xhud jgħid li ilu jafu s-snin. Rah darba oħra ma' Chantelle Chetcuti, imma ilu. Jgħid li jaħseb kien is-sajf, imma mhux ċert kemm ilu.
Sephora Francalanza
12:33 Jibda l-kontro-eżami mill-Avukat Franco Debono.
Sephora Francalanza
12:32 Mistoqsi biex jgħid jagħrafx lill-akkużat fl-awla llum, ix-xhud iħares madwaru u jgħid li ma jafx.
Sephora Francalanza
12:31 Sandro Zammit jgħid li fl-ebda ħin ma ra lil Sylvan u l-akkużat jitkellmu.
Sephora Francalanza
12:30 Mill-ġdid, l-Avukatessa Marion Camilleri titkellem mal-akkużat.
Sephora Francalanza
12:29 Ix-xhud issa jgħid li mingħalih Chantelle Chetcuti rrifjutat li tmur mal-akkużat u qaltlu "għax taqbad ittini." Il-Maġistrat terġa' tistaqsih jirrepeti.

Jerġa' jgħid li semagħha tgħid, "Le, ma rridx, għax taqbad ittini."
Sephora Francalanza
12:28 Il-Prosekuzzjoni tgħid li d-distanza li qed jindika x-xhud ta' kemm kien hemm bejnu u bejn l-akkużat u l-vittma differenti issa milli qalilhom fid-dikjarazzjoni.
Sephora Francalanza
12:27 Il-Maġistrat titlob lix-xhud jikkjarifika li qed jgħid. Tistaqsih qalx xi ħaġa lill-Pulizija li mhux jgħid illum.
Sephora Francalanza
12:26 Il-Prosekuzzjoni qalet li xi affarijiet mhumiex l-istess milli qed jgħid ix-xhud u mid-dikjarazzjoni li ta lill-Prosekuzzjoni. Il-Prosekuzzjoni m'għandhiex id-dikjarazzjoni magħha fil-qorti.
Sephora Francalanza
12:26 "Ma rridx, ħallini" – qalet il-vittma lill-akkużat skont ix-xhud.
Sephora Francalanza
12:25 Qal li fin-naħa fejn kienu huma ma kienx hemm ħafna nies ġol-każin, peress li l-każin maqsum f'żewġ partijiet.
Sephora Francalanza
12:22 Sadattant, il-Prosekuzzjoni terġa' tistaqsi lix-xhud kif ġraw l-affarijiet pass pass.

L-akkużat qal lill-vittma, "Imxi, ġejja miegħi?" Ix-xhud ma jafx il-vittma xi bdiet tgħid lill-akkużat. Skont ix-xhud, donnha bdiet tgħidlu, "Ma rridx."

Iżda mbagħad marret bilqiegħda miegħu xorta waħda.
Sephora Francalanza
12:22 L-Avukat Franco Debono jerġa' javviċina lill-akkużat u jpoġġi bilqiegħda ħdejh.
Sephora Francalanza
12:20 Ix-xhud qal li ra lill-vittma u l-akkużat jitkellmu bilqiegħda. Dehru qed jitkellmu "normali." Ir-raġel li kienet miegħu Chetcuti ma poġġiex jitkellem magħhom.
Sephora Francalanza
12:19 Chetcuti talbet lighter lit-tfajla tax-xhud, u bdiet tpejjep sigarett.
Sephora Francalanza
12:19 Sandro Zammit jgħid li lil Sylvan Medina jafu, li kienet miegħu l-vittma.
Sephora Francalanza
12:17 Lil Chantelle Chetcuti ma kienx jafha.

Qabel raha mal-art, raha tilgħab il-billiard ġol-każin ma' ċertu Sylvan. Ma raha lil ħaddieħor magħhom.

Lill-akkużat jgħid li ma jafux. Qal li ra lill-akkużat dieħel ġol-każin u beda jitkellem magħha. Qagħdu bilqiegħda, imbagħad ħarġu barra.

Kien f'dan il-punt li daħal xi ħadd jgħajjat biex in-nies joħorġu.
Sephora Francalanza
12:16 Jgħid li kien il-Ħadd filgħaxija, meta kien il-każin f'Ħaż-Żabbar, kien qed jieħu flixkun birra meta daħlet persuna tgħajjat "Oħorġu! Oħorġu!"

Ra mara mal-art. Kellu t-tifel u s-sieħba miegħu u qabadhom u telaq.
Sephora Francalanza
12:15 Jitla' jixhed Sandro Zammit, li kien preżenti meta ġara l-każ.
Sephora Francalanza
12:14 L-Avukatessa Marion Camilleri tpoġġi fejn l-akkużat u titkellem miegħu.
Sephora Francalanza
12:14 L-Avukat tad-Difiża Franco Debono jgħid kelma mal-akkużat wara li tidħol il-Maġistrat Rachel Montebello fl-awla.
Sephora Francalanza
12:13 L-akkużat jidħol fl-awla eskortat mill-pulizija.
Sephora Francalanza
12:06 Ninsabu live minn awla 24.

Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża jinsabu preżenti fl-awla, iżda l-akkużat għadu ma wasalx.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Raġel jgħid li kien ma’ Chantelle Chetcuti fil-klabb tal-futbol ta’ Ħaż-Żabbar. Ħin minnhom ġie l-akkużat u qal li ried ikellem lil Chetcuti. Hi ma riditx tkellmu.
  • Chetcuti ħarġet mill-klabb. L-akkużat ħareġ warajha. Ftit wara daħal xi ħadd jgħajjat għall-ambulanza.
  • Xehed ir-raġel li kien l-ewwel li sab lill-vittma mal-art. Jgħid li kellha sikkina mwaħħla f’rasha.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-avukati tad-difiża huma Franco Debono, Marion Camilleri, u Francesca Zarb.