Tkompli tiħrax it-tieni mewġa tal-pandemija fl-Italja

Photo via Pickist

Read in English.

Nhar l-Erbgħa li għadda, l-Italja rreġistrat rekord ġdid ta’ 24,991 każ ta’ COVID, iżjed mill-21,994 reġistrati nhar it-Tlieta, skond il-Ministeru tas-Saħħa Taljan li kompla jħabbar li kien hemm ukoll 205 mewta, inqas mill-221 mewta reġistrata t-Tlieta. Bħalissa l-għadd ta’ każi pożittivi huwa ta’ 276,457, iżjed mill-għadd ta’ dawk li fiequ li huwa ta’ 275,404.

Iċ-ċifra ta’ dawk pożittivi baqgħet tiżdied b’mod kostanti minn 142,739 mqabbla mal-255,005 li kienu fiequ sa l-20 ta’ Ottubru. Nhar il-25 ta’ Awissu, l-għadd ta’ dawk pożittivi kien ta’ 19,714 u dawk li fiequ kien ta’ 206,015. 

L-Erbgħa kien hemm 125 pazjenti li ddaħħlu fil-kura intensiva u 1,026 iżjed li ddaħħlu l-isptar.

Ittieħdu madwar 200,000 swab test, b’inċidenza ta’ 12.5%.

Ir-reġjun tal-Lombardija, li jinkludi l-kapitali finanzjarja ta’ Milan, li aktar kmieni din is-sena kien l-epiċentru ta’ l-epidemija oriġinali fil-pajjiż, baqa’ l-iżjed reġjun milqut hekk kif il-pajjiż għaddej mit-tieni mewġa.

Nhar l-Erbgħa, ir-reġjun irraporta 7,558 każ ġdid meta mqabbel mal-5,035 rappurtati nhar it-Tlieta. Ir-reġjun qrib tal-Piemonte kellu t-tieni l-ogħla ċifra ta’ 2,827 każ.

Walter Ricciardi, konsulent xjentifiku għall-Ministeru tas-Saħħa kien ikkwotat jgħid li l-Erbgħa, kemm Milan kif ukoll Napli għandhom jitpoġġew taħt lockdown għaldaqstant is-sindki taż-żewġt ibliet qed iħeġġu lill-Gvern kontra dan is-suġġeriment.