Tkompli teħżien l-opinjoni tal-barranin dwar Malta

L-opinjoni tal-barranin dwar Malta kompliet teħżien, skont stħarriġ li sar mill-organizzazzjoni internazzjonali InterNations.

Din is-sena Malta tinsab fil-31 post – post wara l-Ungerija (30) u post qabel l-Oman (32). Fl-2018, Malta kklassifikat fl-20 post – post wara l-Kanada, u post qabel il-Bulgarija. Kull sena InterNations tistħarreġ dwar l-opinjoni li l-barranin ikollhom dwar il-pajjiż li jkunu qed jgħixu fih.

Mill-2018, l-Indoneżja, il-Każakistan, u l-Qatar tejbu l-klassifika tagħhom b’mod konsiderevoli. Ċipru, il-Korea t’Isfel, u l-Costa Rica kienu l-akbar telliefa tal-2019.
L-Italja kisbet l-agħar riżultat li qatt ġabet. Din is-sena ġiet qabel tal-aħħar fit-63 post. Ir-Renju Unit jinsab fit-58 post.

Il-fatturi li jikkonsidra l-indiċi jinkludu l-kwalità tal-ħajja, kemm hu faċli li wieħed jidra l-post, il-finanzi personali, ix-xogħol, u l-ħajja tal-familja.

L-aħjar 3 postijiet minn 64
1. Tajwan
2. Vjetnam
3. Il-Portugall

L-agħar 3 postijiet minn 64
64. Il-Kuwajt
63. L-Italja
62. In-Niġerja

Ir-riżultat ta’ Malta

  • Kwalità tal-ħajja 41/64
  • Opportunitajiet ta’ divertiment 18/64
  • Kuntentizza personali 21/64
  • Trasport 57/64
  • Saħħa 39/64
  • Sigurtà 33/64
  • Ħajja diġitali 42/64
  • Kemm hu faċli tidra 36/64
  • Kemm tħossok qiegħed id-dar 22/64
  • Friendliness 41/64
  • Kemm issib ħbieb 27/64
  • Il-lingwa 29/64

Skont ir-rapport, Malta, Ċipru, u l-Irlanda ma tantx sejrin tajjeb fejn jidħol dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm hu faċli li wieħed jidra jgħix f’dak il-post.

Ir-rapport jgħid li Malta ilha tiżżerżaq l-isfel kontinwament mill-2015. Bejn l-2018 u l-2019 waqgħet 11-il post – mill-25 post issa tinsab fis-36 post. Fejn qabel kienet mal-ewwel ħamsa issa tinsab man-nofs tal-qiegħ.

Bejn l-2018 u l-2019 Malta tilfet 18-il post fl-indiċi ta’ kemm hu faċli li wieħed jagħmel ħbieb lokali (17 għall-35 post).

Ir-rapport jgħid li jidher li l-Maltin ma japprezzawx il-barranin u l-pajjiż niżel 13-il post (minn 40 sal-53 post) għall-attiduni lejn ir-residenti barranin. Persuna mill-Finlandja qalet li l-Maltin ma tantx jieħdu gost bil-barranin in ġenerali u li huwa diffiċli li wieħed javviċina xi wħud mill-Maltin.

Ir-rapport qal li Malta waqgħet “b’mod konsiderevoli” (19-il post) fl-indiċi tal-finanzi personali flimkien ma’ Ċipru.

“Ma tgħoġobni xejn din li l-kirjiet għolew! Tiegħi rdoppja,” qalet persuna mir-Renju Unit li tgħix Malta. Instab li 26% ta-persuni jħossu li l-flus li għandhom fil-but m’humiex biżżejjed għall-ispejjeż li għandhom.

Fl-indiċi tal-2018, Malta waqgħet 19-il post fl-indiċi tal-kwalità tal-ħajja skont ir-rapport u kklassifikat fit-38 post minn 68 pajjiż.

64% tal-barranin f’Malta ma jaħsbux li l-Maltin huma ospitabbli ħafna – rapport