​Tkompli t-tfittxija għall-ġenituri tat-tifel li qasam il-Mediterran waħdu

Komplew it-tfittxijiet fi Franza u fil-Libja għall-ġenituri taċ-ċkejken Cisse Namory Cheik, tifel Ivorjan ta’ 5 snin li qasam waħdu l-Mediterran abbord dgħajsa tal-immigranti.
It-tifel wasal fil-provinċja ta’ Cosenza fl-Italja s-Sibt li għadda, flimkien ma’ 900 immigrant ieħor.
Huwa maħsub li missieru spiċċa fi Franza, filwaqt li ommu tinsab f’ħabs fil-Libja. Iċ-ċkejken qed jiġi ospitat minn familja ta’ spettur Taljan tal-Pulizija.
Cisse telaq mill-Kosta tal-Ivorju m’ommu fejn qasmu d-deżert tas-Sahara biex waslu sal-Libja. Billi l-omm ma kellhix biżżejjed flus biex tħallas għall-vjaġġ tagħha u ta’ binha lejn il-Mediterran, hija u binha nżammu priġunieri. Madankollu l-omm irnexxielha  torganizza mod biex tħarrab lil binha u talbet lill-immigrant ieħor biex jieħu ħsieb binha, taparsi Cisse huwa ibnu.
L-immigrant l-ieħor aċċetta u wassal lil Cisse sal-Italja, iżda issa l-omm ma tistax tkun taf jekk binha għadux ħaj jew le.
Sar kuntatt mal-awtoritajiet Franċiżi bil-għan li jekk isibu lil missier Cisse, allura jibgħatuh l-Italja biex jiltaqa’ ma’ ibnu.
Intant it-tifel baqa’ mal-familja li qed tospitah, iżda qalet li ċ-ċkejken ma tantx jinsab tajjeb u li mhux qed jorqod minħabba t-trawma li għadda minnha.
Il-Konferenza Episkopali Taljana ukoll appellat għall-għajnuna biex ikun hawn iktar għarfien dwar il-każ ta’ dan it-tifel, bil-għan li jsib il-ġenituri tiegħu.