Tkompli s-sensiela ta’ twaqqigħ ta’ knejjes Kattoliċi fiċ-Ċina

Knisja Kattolika fil-provinċja ta’ Jinan fiċ-Ċina hi l-aħħar f’sensiela ta’ knejjes li twaqqgħu minn aġenti tal-Gvern fiċ-Ċina.

Madwar 40 pulizija u ħaddiema tal-Gvern daħlu fil-knisja Kattolika ta’ Liangwang f’nofs ix-xahar li għadda, keċċew tliet nisa li kienu qed inaddfu l-knisja wara li ħadulhom it-telefowns ċellulari tagħhom.

Aktar tard matul il-jum waslu fil-post 30 persuna oħra u xi bulldozers u bdew iġarrfu l-bini tal-knisja, kissru l-artal, għamara tal-knisja u l-knisja stess.  Dan għamluh għax il-Pjan Lokali tal-Iżvilupp juri li flok il-knisja se jinbnew xi djar u stazzjoni tal-ferrovija.  Għalkemm kienu qed isiru taħditiet mal-awtoritajiet lokali biex il-Knisja tingħata post alternattiv, s’issa ma ntlaħaq ebda ftehim u l-Knisja ma kinitx avżata bl-azzjoni tal-pulizija u l-ħaddiema tal-Gvern.

Il-Knisja kienet inbniet fl-1920 u waqt ir-Rivoluzzjoni Kulturali fil-pajjiż kienet meqjusa bħala “post privat”.  Riċentament kienet ingħatat permess mill-Gvern biex topera legalment bħala knisja. Għalkemm il-Gvern wiegħed li se jagħti kumpens għall-knisja li twaqqgħet, s’issa ma saret ebda offerta formali lill-Knisja.

Rapporti jgħidu li hemm knisja oħra f’Wangcun li se titwaqqa’ bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni urbana.

Aktar kmieni din is-sena l-Gvern attakka numru kbir ta’ binjiet tal-Knisja Kattolika. Ħafna knejjes twaqqgħu u oħrajn sofrew ħsarat kbar meta tneħħew slaleb minnhom u saħansitra tfarrket Via Sagra sħiħa.