​Tkompli s-saga tal-ġbejniet fil-Parlament

Is-saga tal-ġbejniet fil-Parlament tibqa’ għaddejja hekk kif l-Eks Ċerpersin ta' Alternattiva Demokratika Arnold Cassola jsemmi l-ġbejniet u l-pastizzi meta kiteb dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari.
Is-saga tal-ġbejna taf il-bidu tagħha waqt Kumitat Parlamentari, meta l-MP tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li huwa "ġbejna".
Fuq Facebook, Prof. Cassola jsejjaħ lill-parlamentari “ġbejniet” u jgħid li kollha kemm huma qablu li jagħtu lilhom infushom pensjoni sħiħa wara ħames snin.
Jgħid li anke qablu li jingħataw pensjoni prorata jekk iqattgħu sentejn fil-Parlament.
Arnold Cassola jisħaq li hu kien elett għal iktar minn sentejn fil-Parlament Taljan, u ma ħa l-ebda sold f’pensjoni prorata għax kien MP.
Temm isostni li madanakollu huwa kburi li kien “MP pastizz  li ma ħax pensjoni, minflok wieħed mill-ġbejniet rgħibin Maltin fil-Parlament.”
Norman Vella lest li jressaq mozzjoni jekk isir wieħed minnhom
Dwar is-suġġett tkellem ukoll l-ekskandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista Norman Vella, li fuq Facebook ukoll stqarr li hu assolutament kontra li l-Membri Parlamentari jkunu privileġġati iktar minn kemm diġà huma fil-pensjonijiet.
“Jekk dawn qed joħolmu li tpoġġi fuq dak is-siġġu aħdar fih aktar xogħol mill-magni tal-fabbriki, milli tieħu ħsieb klassi tfal jew sala pazjenti fl-isptar jew minn kemm-il xogħol ieħor jagħmlu l-ħaddiema, il-professjonisti u s-self-employed, ikun aħjar joqorsu wiċċhom u jqumu għar-realtà”, saħaq Vella.
Jinsisti li jekk xi darba jkun elett u jsir wieħed minnhom, jikkommetti ruħu li jkunu hu stess, b’inizjattiva personali, li jressaq mozzjoni fil-Parlament, biex dak li jivvutaw favur tagħhom, ikun imħassar.