Tkompli l-votazzjoni fir-referendum tal-Italja

Illum tkompli l-votazzjoni fl-Italja hekk kif ilbieraħ beda referendum dwar id-daqs tal-parlament u elezzjonijiet reġjonali madwar il-pajjiż.

Il-votazzjoni bdiet ilbieraħ il-Ħadd u llum tkompli sat-3pm ta’ waranofsinhar. Sal-bieraħ fil-11pm ivvutaw 40% tal-persuni eleġibbli.

Fir-referendum, it-Taljani qed jivvutaw dwar jekk il-parlament jiċkienx minn 945 membru għal 600 membru, li jinkludi 400 parlamentari u s-Senat b’200 membru.

L-emenda kostituzzjonali kienet diġà approvata mill-parlament u jekk tkun ikkonfermata, tidħol fis-seħħ wara l-elezzjonijiet ippjanati li jsiru fl-2023.

Il-vot kien oriġinarjament skedat għal Mejju iżda ġie mċaqlaq minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qatlet aktar minn 35,000 persuna fl-Italja. L-aħħar stħarriġ juri li ħafna Taljani huma favur it-tnaqqis fil-parlament.

It-Taljani jivvutaw ukoll lokalment biex jeleġġu 1,000 sindku u seba’ gvernaturi reġjonali, votazzjoni oħra li ttardjat minħabba l-pandemija. L-elezzjoni reġjonali se tkun meqjusa bħala test għall-gvern dwar kif immaniġġja l-pandemija. L-Italja kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li impona lockdown u kienet l-ewwel epiċentru tal-virus fl-Ewropa.