​Tkompli l-mixja pożittiva ta’ Qormi u Floriana fil-Hockey

White Hart vs Young Stars 1-3
Floriana Young Stars għaddew għas-semifinali, meta dawru telfa f’rebħa kontra White Hart.
Kienu l-istess White Hart li marru minn fuq wara biss żewġ minuti meta Karl Tua skorja b’xutt fir-rokna tax-xibka. Young Stars irreaġixxew iżda ma rnexxielhomx jieħdu vantaġġ minn żewġ short corners li rebħu fit-8 minuta.  Il-logħba kienet akkanita u White Hart setgħu marru 2-0 minn fuq meta x-xutt ta’ Keith Laferla għadda ftit barra. Żewġ minuti wara Young Stars ingħataw penalti iżda Edward Hughes xeħet barra. Young Stars bdew jiddominaw u rebħu diversi short corners iżda White Hart baqgħu dejjem perikolużi fuq il-kontrattakk.
Wara minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Jamie Mifsud ġab il-gowl tad-dro għal Young Stars. Żewġ minuti wara Sam Borġ poġġa lil Floriana fil-vantaġġ u fl-44 minuta Elton Cutajar għamel l-iskor finali ta’ 3-1 favur Young Stars.
White Hart pruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba u Tua mar viċin fit-62 minuta meta ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.
Rabat vs Qormi 0- 5
Bidu tajjeb għal Qormi li rebħu erba’ short corners fl-ewwel taqsima u ddominaw il-logħob iżda Rabat kienu organizzati ħafna fid-difiża u waqfu l-biċċa l-kbira tal-attakki tal-Qriema. Rabat komplew jiffrustraw lil Qormi tul l-ewwel taqsima iżda minuta mit-tmiem Juan Sarcia ra x-xutt tiegħu imxellef jidħol fix-xibka bil-gowlkiper ta’ Rabat megħlub.
Fl-aħħar kwarta tal-logħba, Steve Tanti rdoppja fit-53 minuta u żewġ minuti wara Jonathan Borg skorja t-tielet gowl minkejja l-isforzi ta’ Shawn Falzon biex iwaqqaf il-ballun. Fit-58 minuta Kyle Micallef għamel l-iskor 4-0 u John Williams issiġilla r-rebħa meta skorja wara azzjoni twila fid-difiża Rabtija. L-iskor finali ta’ 5-0 ipoġġi lil Qormi bħala rebbieħa tal-grupp u Rabat issa jridu jilagħbu playoff ma’ White Hart biex jiddetermina min minnhom jgħaddi għas-semifinali.