Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Xehdu l-Ispettur Keith Arnaud mill-Prosekuzzjoni u Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kellu jixhed ukoll l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar imma ntbagħat id-dar peress li s-seduta kienet qed iddum.
17:31 Grazzi talli segwejtu l-live blog ta' Newsbook.com.mt. Dalwaqt naġġornaw l-artiklu bil-punti prinċipali tas-seduta tal-lum. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
17:28 Is-seduta tkompli l-Erbgħa 22 ta’ Lulju fid-9.30am. Azzopardi jgħid li hemm l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia dakinhar.
17:25 Il-Maġistrat Montebello tgħid li dan huwa ħażin ħafna speċjalment peress li s-seduta tal-lum kienet waħda twila. Mercieca jitlob lill-Qorti biex tagħti l-eqreb data possibli fl-aħjar interess tal-ġustizzja fid-dawl li Yorgen Fenech għadu taħt arrest preventive u li huwa preżunt innoċenti.
17:24 Caruana Curran jissuġġerixxi li Theuma jisma’ r-recordings tad-difiża. Caruana Curran jgħid li ma jafx minn fejn ġew u li ngħataw l-istess kopji tal-Qorti.
Arnaud jgħid li l-Europol għandha teżebixxi r-recordings.
Il-prosekuzzjoni u l-parte ċivile toġġezzjona għat-talba.
Il-Qorti tiċħad it-talba u tgħid li l-aħjar evidenza għandha tiġi sottometta. Qalet li qabel ma jkomplu l-affarijiet għandha tisma’ lill-espert biex tara kif wettaq ix-xogħol tiegħu. Il-Qorti tissospendi l-ħatra ta’ Alvin Cardona li ġie ingaġġat biex jagħmel optimisation tar-recordings.
17:18 Il-Qorti tgħid li r-recording in kwistjoni huwa biss fuq il-hard drive tad-difiża u li l-kopji l-oħra mhumiex identiċi. Tordna biex l-espert Alvin Cardona jitla’ l-Qorti fis-seduta li jmiss ħalli jispjega għalfejn hemm dawn id-diskrepanzi. Il-Qorti tirriżerva d-dritt li tassigura li l-files diġitali kollha jiġu eżebiti
17:14 Id-difiża ttenni li hi għandha kopja tar-recordings li ġew eżebiti fil-Qorti
17:13 Hemm żewġ batches ta’ recordings – batch mill-kaxxa tal-ġelati u batch li nstabet fi Frar.
Arnaud jgħid li r-recordings li kienu fil-kaxxa tal-ġelati ġew eżebiti mill-espert tal-Qorti.
Jgħid li skattat investigazzjoni meta nstabu r-recordings il-ġodda
17:12 Id-difiża tgħid li ma ngħatawx tapes li ssemmgħu waqt l-interrogazzjoni
17:11 Id-difiża tgħid li huma ngħataw il-kopja tal-Qorti.
Arnaud jgħid li recording 91 ma kienx qed jinfetaħ għall-kollegi tiegħu. Jgħid li l-Pulizija m’għandhiex il-folder fil-kopja tagħhom.
17:09 Id-difiża tgħid li l-file 002 mhuwiex fuq il-hard drive li ngħata lit-transcriber. Il-prosekuzzjoni tgħid li lanqas hi m’għandha dan il-file.
17:08 Mercieca jgħid li l-isem tal-file huwa 00017791
17:08 Il-Qorti tgħid li dan mhux aċċettabli.
Mercieca jgħid li r-recording huwa “groundbreaking”
17:07 Mercieca jgħid li hemm id-diskrepanzi fir-recordings.
Galea Farrugia tgħid li dan mhux aċċettabbli.
Id-difiża rrabjata wkoll.
Mercieca jgħid li hemm files fil-kopja tal-espert li d-difiża lanqas biss għandha kopja tagħhom.
Arnaud jgħid li l-Europol tista’ terġa’ tagħmel extraction tad-data.
Mercieca jgħid li qed ikun kawt ħafna dwar x’qed jiġri. Jgħid li l-Europol tħaddan l-interessi tal-Pulizija.
16:54 Jidher li nstabu recordings fuq il-hard drive tat-transcriber li ma kinux fost il-kopji tad-difiża
16:53 Il-Maġistrat għadha ma daħlitx fl-awla
16:24 Il-Maġistrat terġa’ tidħol fl-uffiċċju tagħha sakemm tissolva l-kwistjoni tar-recording.
16:23 L-avukat Ezekiel Psaila li qed jidher għal Cutajar jistaqsi lil Qorti x’ħin taħseb li se jintalab jixhed id-darba li ġejja. Il-Maġistrat li Cutajar se jiġi mgħarraf kif ikun hemm bżonn.
16:22 Jidħol Cutajar. Il-Qorti tavżah biex ma jikkomunikax ma’ Melvin Theuma jew ma’ xi parti oħra f’din il-kawża.
16:21 Il-Qorti tgħid li peress li saru l-4.20pm mhux se jsir il-kontro-eżami ta’ Lawrence Cutajar illum minħabba limitazzjonijiet ta’ ħin. Cutajar se jkun mistenni jixhed fis-seduta li jmiss.
16:20 Ir-recordings se jinstemgħu minn kopja tal-hard drive li ngħatat lit-transcriber. Id-difiża toffri l-kopja tagħha wkoll, imma l-Qorti ma taċċettax din l-offerta.
16:17 Il-Qorti tgħid li hemm diffikultà teknika b’rabta mal-ewwel sett ta’ files.
16:16 Tidħol il-Maġistrat. Tgħid li s-seduta se tiġi sospiża għal 30 minuta.
Mercieca jgħid li l-file ma jistax jinstab fuq il-laptop tal-Qorti.
Il-Qorti tgħid li jekk m’hemmx oġġezzjonijiet ir-recordings fuq il-hard drive se jingħataw lil transcriber.
Il-Qorti tordna biex issir data extraction oħra ta’ recordings fuq il-hard drive oriġinali.
15:39 Theuma jiġi skortat barra. Il-Maġistrat tidħol fl-uffiċċju tagħha sakemm tissolva l-problema.
15:38 Jinstema’ recording. Id-difiża tgħid li mhux il-file it-tajjeb.
15:31 Il-Qorti tgħid li għalkemm il-proċedimenti huma pubbliċi, dan ma jfissirx li jistgħu jiġu rrekordjati
15:30 Il-Qorti tordna li jekk xi ħadd fl-awla jirrekordja l-proċedimenti, il-persuna tinsab ħatja ta’ disprezz u tingħata kastig. Ma jistax isir appell. Kull persuna fl-awla qed tiġi ordnata titfi kull apparat li jista’ jirrekordja, inkluż mobiles.
15:28 Jerġa' jidħol Theuma
15:22 Carauna Curran jgħid li jridu jibdew minn recording illum. Jgħid li l-avukati ta’ Theuma jafu jħarrġu lill-klijent tagħhom qabel il-kontro-eżami. Grima tintervjeni. Caruana Curran jerġa’ jfakkarha li m’għandiex dritt tagħmel dan.
15:21 Dr Kathleen Grima li qed tassisti lil Theuma, tgħid li filwaqt li m’għandiex dritt tintervjeni, hija kontra li jinżamm il-klijent tagħha.
Caruana Curran jgħid li xhud is-soltu ma jkollux avukat jassistih.
15:19 Il-Qorti tawtorizza li jinstema’ recording. Il-Maġistrat tgħid li mhux possibli li jistemgħu kollha llum.
Caruana Curran u Mercieca jgħidu li r-recording huwa dwar persuna partikolari u diskussjonijiet li saru miegħu. Jgħidu li x-xhud għandu jinżamm sas-seduta li jmisl.
Il-Maġistrat iċċanfar lid-difiża talli ma tawx avviż minn qabel.
15:16 Jerġa’ jixhed Theuma. Jgħid li irrekordja lil Yorgen Fenech u lil Johann Cremona. Jerġa’ joħroġ mill-awla.
15:15 Marion Camilleri tgħid li r-recordings igiddbu lil Melvin Theuma. Trid tistaqsih dwar il-flus li ngħata l-Kummissarju.
Mercieca jgħid li Thuema ġie mistoqsi dwar lil min irrekordja. Qal li għamel recording ta’ Johann Cremona imma ma kienx jaf fejn qiegħed.
Mercieca jgħid li dawn huma dawk ir-recordings.
Ir-recordings huma dwar flus li allegatament tħallsu għall-maħfra u biex Theuma jigdeb u jgħid li għandu biss recordings bejnu u bejn Yorgen Fenech.
Ir-recordings huma wkoll dwar fejn se jsiru r-raids. Theuma qabel qal li ma kienx jaf dwarhom.
15:11 Il-Qorti tgħid li x-xhud ma jistax jixhed dwar recordings li qatt ma xehed dwarhom. Tgħid li jista’ jsirulu mistoqsijiet dwar l-affarijiet li diġà tkellem dwarhom.
15:10 Hemm biċċiet ta’ 30 sekonda. Hemm recordings ta’ 20 minuta. Iqum dibattitu dwar jekk il-Qorti għandhiex tisma’ kollox jew il-biċċiet. Galea Farrugia jgħid li din hija kumpilazzjoni tax-xhieda u li l-evidenza diġà nġabret. Id-difiża trid li r-recordings jinstemgħu llum.
15:08 Camilleri tgħid li l-prosekuzzjoni tagħżel hi x’recordings jistemgħu
15:07 Ir-recordings diġà huma esebiti. Il-Maġistrat tistaqsi jekk hemmx oġġezzjonijiet biex jinstemgħu r-recordings. Il-prosekuzzjoni mhix kontra li jinstemgħu r-recordings. Galea Farrugia jgħid li jrid li jiġu eżebiti bi proċedura regolari.
15:04 Il-kontro-eżami huwa dwar ir-recordings il-ġodda. Id-difiża għamlet traskrizzjoni tagħha. Toffri t-traskrizzjoni lil Qorti.
15:03 Caruana Curran jgħid li ilhom jisimgħu r-recordings għal seba’ xhur sħaħ u li kien inkwetanti li r-recordings in kwistjoni qatt ma ssemmgħu
15:02 Caruana Curran jgħid li ġew akkużati b’mise en scene u bi frodi. L-Ispettur Zahra jgħid li ma użax il-kelma ‘frodi’. Kien qed jikkummenta lil Arnaud li hi mise en scene.
15:00 Galea Farrugia joġġezzjona u jgħid li jkun hemm bżonn espert tal-qorti biex jagħmel traskrizzjoni tar-recordings in kwistjoni. Id-difiża tirrabja.
Caruana Curran jgħid li qed jakkużawh b’reat.
Il-Qorti twaħħal multa ta’ €50 lil Caruana Curran u lil Mercieca ta’ disprezz lejn il-Qorti. Iż-żewġ avukati jitolbu skuża.
14:58 Galea Farrugia m’għandux oġġezzjoni kontra r-recordings. Il-Qorti tgħid li x-xhud ma jistax jiġi eżaminat dwar il-kontenut tagħhom
14:56 Galea Farrugia jgħid li fil-kontro-eżami wieħed ma jistax jisma’ r-recordings barra mill-kuntest li mbagħad jiġu rrappurtati mill-midja. L-Assistent AĠ jgħid li d-difiża tista’ ttellgħu bħala x-xhud tagħhom.
14:54 Ir-recordings ma nstemgħux fil-Qorti miftuħa. Però, Theuma diġà xehed fuq il-kontenut tar-recordings skont id-difiża.
14:53 Caruana Curran jitlob lill-Qorti biex tisma’ r-recordings li ġew eżebiti fil-Qorti u li dwarhom Theuma għad irid jixhed. Id-difiża tispjega li dawn huma biċċiet minn recordings li ġew mill-hard drive.
Theuma jiġi skortat ‘il barra mill-awla.
14:51 Caruana Curran: Jekk ngħidlek li Edwin Brincat il-Ġojja ħallas €30,000 lill-Kummissarju għall-maħfra tiegħek?
Theuma jingħata twissija mill-Qorti.
14:50 Caruana Curran: Dan ma kienx irranġat minn qabel biex iġġib maħfra.
Theuma: Le
Caruana Curran: Kien hemm xi ħadd li semma’ l-maħfra f’konnessjoni mad-data tal-arrest tiegħek?
Theuma: Żgur li le
14:48 Theuma jgħolli leħnu jinsisti li ma kienx jaf fejn kienu se jsiru r-raids.
“It-Tnejn kelli laqgħa ma’ Yorgen Fenech u qalli li l-Kummissarju kellu jiggwidah. Issuġġerixxejt li Cutajar ikellem lil Schembri. Kien tagħni d-data tal-arrest imma ma tajtx każ,” jgħid Theuma.
14:46 Caruana Curran: Iddiskutejt is-sitwazzjoni mal-mara u mal-qraba?
Theuma: Iva
Caruana Curran: Qatt tkellimt magħha dwar Keith Schembri? Kienet gidba wara kollox
Theuma: Ma niftakarx. Jista’ jkun semmejt f’konnessjoni mal-każ
14:44 Theuma: Fenech bgħatni biex niltaqa’ miegħu
Caruana Curran: Dħalt mill-bieb prinċipali? Dak li juża’ l-PM?
Theuma: Iva. Fenech qalli nuża l-bieb prinċipali.
Caruana Curran: Ma tlabtx għall-maħfra dakinhar?
Theuma: Dak kien qabel il-qtil. Ma kontx qed naħseb biex noqtol lili nnifsi dak iż-żmien
Caruana Curran: Kellimt lil Cutajar?
Theuma: Kellemtu biss meta ffirmajt il-maħfra
14:40 Theuma jgħid li ma staqsiex lil Cutajar jew lil Keneth dwar il-maħfra. Jgħid li ma setax jippjana biex jikxef lil Keith Schembri. Jgħid li Schembri qatt ma qallu biex joqtol lil Caruana Galizia.
14:38 Caruana Curran: Gdibt ukoll lil Kenneth ta’ Kastilja?
Theuma: Iltqajt miegħu darbtejn u ċempilli darba
Caruana Curran: Semmejt il-WhatsApp u Signal. Taf tħassar il-messaġġi?
Fenech jibda jidħak.
Theuma: Ma nafx. Iċ-chat ma’ Johann Cremono sparixxiet wara xi żmien fuq Signal. Dawk ma Fenech le.
14:36 Theuma jgħid li semma lil Cutajar imma li kien qed jigdeb. Skuża ruħu.
"Żeffintu fin-nofs. Bħalma skużajt ruħi fuq tal-Imhallef Mizzi," Theuma says.
14:35 Caruana Curran: X’ġara meta għidt lil Edwin Brincat?
Theuma: Irrabja peress li ġejt involut fil-każ
Caruana Curran: Kont taf li Edwin jew Edgard Brincat il-Ġojja kienu ħbieb ma’ Cutajar?
Theuma: X’jiġifieri? Ħa nejdlek x’naf. Brincat mar jara lil Cutajar dwar multa tal-parkeġġ. Brincat kien jaf dwar ir-recordings u qalli li Cutajar kien jaf bihom.
14:33 Caruana Curran: Spjegawlek x’jiġifieri li tingħata maħfra?
Theuma: Iva
Caruana Curran: Qalulek tikxef kollox dwar kulħadd?
Theuma: U ejja
Caruana Curran: Meta bdejt tirrekordja lil Fenech?
Theuma: L-ewwel darba li għamilt hekk, ippruvajt inċempel lil Dr Jason Azzopardi
Caruana Curran: Meta
Theuma: 2018
14:31 Theuma: Investigawni fuq ħasil tal-flus u dwar il-qtil
Caruana Curran: X’kien l-aktar importanti għalik?
Theuma: Il-qtil. Ħadd ma jista’ jneħħih mill-kuxjenza tiegħek. Tgħix mitt sena, titqarben, u tqerr, imma xorta jibqa’ hemm
14:29 Caruana Curran: Kont issellef il-flus lin-nies?
Theuma: Dak meta kont żgħir
14:28 Caruana Curran jistaqsi dwar il-passat kriminali tiegħu. Theuma jgħid li kien involut fil-logħob tal-ażżard illegali.
14:27 Theuma ta informazzjoni dwar żewġ reati oħra li mhumiex il-qtil ta’ Caruana Galizia
14:26 Caruana Curran: Spjegawlek l-implikazzjonijiet tal-maħfra?
Theuma: Kont konfuż. Ma kontx naf x’inhi maħfra jew kif taħdem.
14:25 Theuma jgħid li l-idea kienet tiegħu.
Jgħid li waqt l-arrest ma kien hemm ebda ftehim bejn l-avukati tiegħu u Arnaud. Jgħid li Arnaud qal li kien se jressqu l-Qorti. Imbagħad il-Gvern ħareġ stqarrija. Jgħid li ngħata karta u li staqsewh jekk iridx jiffirmaha. Jgħid li ffirma l-karta.
14:23 Theuma: Setgħet kienet tiegħu jew tal-avukat
Caruana Curran: Imma qabel l-arrest…
Theuma: Edwin Brincat (il-Ġojja) kien jgħidli li se mmur il-ħabs u ma noħroġ qatt
Caruana Curran: Min semmieha mela? Il-Kummissarju?
Theuma: Le. Wara li sirt naf li Vince Muscat il-Koħħu beda jitkellem mal-Pulizija bdejt naħseb dwar jekk għandix nitlob maħfra
14:20 Caruana Curran: L-idea kienet tiegħek? Jew issuġġerixxija xi ħadd?
14:20 Theuma: Il-maħfra semmejtha diversi drabi u anke 20-30 sena ħabs ma’ Johann Cremona u Yorgen Fenech. Għad għandi rimors li dħalt fl-omiċidju u ħadd ma jista’ jneħħih. Dejjem għidt lil Edwin Brincat. Qalli li kont se mmur il-ħabs u ma noħroġ qatt.
14:18 Caruana Curran: Meta bdejt taħseb biex titlob maħfra?
14:18 Theuma: Peress li kien involut fl-investigazzjoni. Dejjem għidt lil Fenech u lil Cremona li meta jiġi jħabbatli pulizija d-dar, kont se nikxef kollox mill-ewwel.
14:16 Caruana Curran: Kien hemm xi raġuni partikolari għalfejn staqsejt għal Arnaud?
14:15 Caruana Curran: Inti tlabt għall-preżenza tal-Kummissarju?
Theuma: Tlabt il-preżenza tal-Maġistrat ukoll, possibilment anke tal-Kummissarju. Imma ma kienx hemm. Ma kont qed nafda lil ħadd.
14:14 Caruana Curran: Meta arrestawk, min ippropona li għandek titlob maħra?
Theuma: Arrestani l-Ispettur Nicholas Vella. Waqt it-tfittxija għidtlu ċempel lil Arnaud peress li illejla nixtieq inkellmu. Wara t-tfittxija ħaduni d-depot. Jien għidtilhom li xtaqt nitkellem dwar l-investigazzjoni dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Qaluli li kien għad m’għandix avukat. Bdejna nċemplu avukati. Ċempilna lil ommok, Gianella de Marco però kienet barra, ċempilna lil Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, u Simon Busuttil. Imbagħad ċempilna lil Matthew Brincat peress li kont nafu mill-Marsa u mill-uffiċċju ta’ De Marco.
14:06 Jibda jixhed Melvin Theuma
14:04 Grazzi Sephora! L-avukati reġgħu daħlu fl-awla. Is-seduta tkompli u r-rappurtaġġ tagħhna jkompli
13:32 Is-seduta hija sospiża għal 10 minuti. Wara l-waqfa, isir il-kontro-eżami ta' Melvin Theuma.
13:32 Il-kontro-eżami għall-Ispettur Keith Arnaud ġie sospiż.
13:32 "L-Avukat Ġenerali jaf bihom?" "Naħseb."
13:31 "Il-Prim Ministru jaf bihom?" "Le," jgħid Arnaud.
13:31 Mercieca jistaqsi jekk lill-Kummissarju infurmawhx bihom. Jgħid li mhux ċert għax Cutajar kien diġà telaq mill-Korp. Jirrepeti li sabuhom bejn Jannar u Frar.
13:30 Mistoqsi lil min informa bit-tapes il-ġodda li nstabu fi Frar li għadda, Arnaud jgħid li kull min hu parti mit-tim jaf bihom.
13:30 Sa fejn jaf Arnaud, kien hemm biss dawn iż-żewġ rapporti.
13:29 Il-Qorti tistaqsi lix-xhud huwiex konxju ta' pariri oħra li ngħataw dwar din il-maħfra.
13:29 L-Ispettur jgħid li hu u Kurt Zahra preparaw rapport. L-AĠ għamel rapport. Ma jafx hemmx rapporti oħra, imma jtenni li huma taw ir-rapport tagħhom.
13:29 L-avukat jistaqsi jkunx korrett jekk jgħid li l-maħfra presidenzjali ngħatat fuq parir tal-Kummissarju tal-Pulizija.
13:22 Il-Qorti mhix kuntenta li qed iddum daqshekk ix-xhieda wara l-applikazzjoni urġenti. Fadal żewġ xhieda barra li jridu jixhdu llum.
13:21 L-Ispettur jgħid li hu infurmat bil-ġist tar-rikordings li hu għadu ma semax.
13:19 It-tapes il-ġodda nstabu wara l-kummenti ta' Theuma.
13:19 Fenech jibda jidħak.
13:19 Arnaud jgħid li le, għax kien hemm dokumenti oħra bħal screenshots.
13:18 L-avukat jistaqsi huwiex korrett jekk jgħid li l-maħfra nħarġet fuq ir-rikordings misjuba fil-kaxxa ta' Theuma.
13:18 Arnaud jgħid li l-maħfra ngħatat wara li ġie arrestat Yorgen Fenech, Id-Difiża kienet diġà semgħet uħud mir-rikordings.
13:17 Yorgen Fenech jgħaddi nota li ħarbex lill-Avukat Charles Mercieca.
13:15 Arnaud jistqarr li jiftakar li fil-maħfra hemm il-frażi "di scienza propria," li tfisser li hu stess ra jew sema'.
13:15 L-avukat jinsisti fuq il-maħfra ta' Theuma u l-fatt li hu ma kellu jaħbi xejn mill-awtoritajiet.
13:13 L-Ispettur kien parti mit-tim tal-pulizija li ħadu ħsieb il-maħfra presidenzjali, li taw rapport lill-Kummissarju bil-fehmiet tagħhom, imma ma kienx involut fid-deċiżjoni.
13:13 L-avukat jistaqsi lix-xhud jekk jafx jekk kienx hemm xi flus involuti fl-għotja ta' din il-maħfra. Arnaud jgħid li lil Theuma staqsewh dwar dan u wieġeb le.
13:12 Il-Qorti tikkummenta li din mistoqsija ipotetika.
13:12 Dr Mercieca jistaqsi x'jiġri jekk jirriżulta li Melvin Theuma ħallas għall-maħfra presidenzjali.
13:12 Meta jistaqsi min jirrevokaha, jaqbeż Dr Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-AĠ u jgħid li jkun il-President li jirrevokaha.
13:10 Mercieca jistaqsih hux infurmat li ġiet diskussa. Arnaud jgħid li mhuwiex. Mercieca jistaqsi dwar il-maħfra presidenzjali: jikkjarifika li waħda mill-kundizzjonijiet hi li Theuma jgħid il-verità kollha u jekk jinqabad jigdeb, il-maħfra tiġi revokata. Arnaud jikkonferma.
13:10 L-Ispettur jgħid li ma ġewx diskussi bl-istess manjiera. Hu ma kienx preżenti għall-ebda laqgħa fuq il-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
13:09 Dr Mercieca jistaqsi jekk intużatx l-istess proċedura biex tiġi diskussa l-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma bħal ta' Vince Muscat.
13:08 Dwar il-maħfra presidenzjali, Arnaud jgħid li jekk ikollok lil suspettat li lest jitkellem, x'suppost tagħmel? "Ma tkellmux?! Il-Maġistrat tidher li qed tirrita ruħha.
13:08 L-Ispettur ikompli jgħid li din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu u ma kienx jaf x'inhi l-proċedura, peress li qatt ma kellu talba oħra simili.
13:07 Il-Kummissarju kien ikun preżenti wkoll.
13:07 Meta mistoqsi, Arnaud jgħid li t-talba għall-maħfra presidenzjali ta' Vince Muscat il-Koħħu ġiet diskussa ma' Joseph Muscat. Keith Schembri kien preżenti.
13:06 Mercieca jistaqsi jekk qatt inkwetawx li r-rikordings jogħsfru. Fil-fehma ta' Arnaud, le, qatt ma inkwieta fuq hekk.
13:06 L-iżviluppi kien fuq ir-rikordings ta' Theuma. Biż-żmien intebħu li r-rikordings kellhom x'jaqsmu ma' Yorgen Fenech. Ikkunsidraw x'jiġri li kieku r-rikordings jispiċċaw ikunu inutli jew mhux relatati.
13:05 L-Ispettur jgħid li qatt ma ħassew il-ħtieġa li jaħbu xi ħaġa minn Schembri peress li dan kien ikun preżenti għal-laqgħat ma' Muscat.
13:05 "U Schembri qatt ma qalilkom fuq il-ħbiberija fraterna bejnu u Fenech," jikkummenta l-avukat.
13:04 Għall-bidu ma kienx issemma, jgħid Arnaud, imma mbagħad beda jissemma. Il-Koħħu ssemma żgur.
13:04 Dr Mercieca jistaqsi lil Arnaud x'qalilhom fuq Melvin Theuma.
13:03 L-Ispettur jinsisti li din hija kwistjoni differenti. Fl-2018, il-laqgħat kienu marbutin mat-talba għall-maħfra presidenzjali ta' Vince Muscat il-Koħħu. Jispjega li ntalbu ma jagħtux informazzjoni materjali mill-investigazzjoni. Il-laqgħat ta' wara kienu fuq koperazzjoni minn barra. Wara Novembru tal-2018, imbagħad, ma kienx hemm żviluppi.
13:02 Mistoqsi kemm-il laqgħa oħra kellu mal-Prim Ministru fuq każijiet oħrajn ta' qtil, Arnaud jgħid li l-ebda.
13:01 L-avukat jistaqsi issa jekk huwiex normali li jsiru talbiet għal laqgħat mal-Prim Ministru fuq investigazzjoni tal-pulizija. Arnaud jgħid li ma jafx min talab lil min għal laqgħa, kulma jafu hu li Valletta qallu, "Imxi miegħi."
13:01 Mercieca jirrimarka li Arnaud kien għadu kemm qal li mhux hu talab li ssir din il-laqgħa. Arnaud jikkjarifika li qabel, Valletta kien jieħu ħsiebhom.
13:00 Fit-tweġiba tiegħu Arnaud jispjega li kellmu fuq il-każ darba f'Novembru, darba kull ġimgħa qabel saru l-arresti, imbagħad f'April u Mejju tal-2018. Jgħid li se jġib id-dati eżatti. Il-laqgħat kienu jkunu ma' Muscat, imma Schembri kien ikun preżenti.
12:59 L-avukat jistaqsi lil Arnaud kemm-il darba ltaqa' ma' Keith Schembri fuq il-każ.
12:56 Arnaud jgħid li dan kien għall-ħabta ta' Novembru tal-2017. Jgħid li żgur kien qabel Diċembru tal-2017. Silvio Valletta kien talbu jakkumpanjah.
12:55 Dr Mercieca issa jistaqsi lill-Ispettur meta kienet l-ewwel darba li kellem lil Keith Schembri u lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
12:54 Il-Qorti terġa' twissi biex ma jsirux kummenti fiergħa fuq l-Ispettur.
12:54 Arnaud jgħid li jrid jiċċekkja fin-noti tiegħu. L-arranġamenti dejjem isiru mal-avukati ta' Theuma.
12:53 L-avukat jgħid li investigatur ewlieni għandu jkun ċert minn ċerta informazzjoni. Iridu jkunu jafu jekk lil Theuma kellmuhx qabel l-aħħar darba li deher il-qorti.
12:53 Id-Difiża tagħmel il-pressjoni fuq l-Ispettur biex jagħti d-dati preċiżi ta' meta Arnaud kellem lix-xhieda. Il-Qorti tistaqsi għaliex.
12:52 Ittieħdu wkoll madwar €600,000 fi flus kontanti mingħand Theuma.
12:51 Arnaud jgħid li għax riedu jsibu r-rikordings, il-pjan kien li jieħdu l-apparat elettroniku kollu. Ħadu laptop wieħed u erba' mowbajls żgur, u xi apparat ieħor, imma Arnaud mhux ċert kompletament.
12:51 L-avukat jistaqsi x'ħadu l-pulizija mit-tfittxijiet li saru lil Melvin Theuma.
12:49 Yorgen Fenech jaqsam ċajta ma' Dr Caruana Curran u jidħak.
12:49 L-Ispettur jispjega kif inhi l-binja tas-CID. Jgħid li mhuwiex ċert imma dan jista' jiġi verifikat mir-rikordings awdjoviżivi.
12:49 Cutajar kien ikun jaf bihom imma huma ma kinux jistiednuh.
12:48 L-eks Kummissarju tal-Pulizija kien ikun preżenti għal ħafna mill-interrogazzjonijiet. Arnaud jgħid li kien jorganizza dawn l-interrogazzjonijiet ma' Kurt Zahra.
12:47 L-Ispettur jispjega li minn dakinhar, hemm iżjed uffiċjali tal-pulizija involuti fl-investigazzjoni peress li mill-2018 s'issa rreżenjaw xi uffiċjali mill-Korp.
12:47 Dr Mercieca jinstema' jgħid, "Tigdiblix." Tinħoloq daqsxejn tensjoni. Il-Maġistrat tiċċensura lil Mercieca talli qal "tigdiblix."
12:46 Mercieca jistaqsi jekk dawn humiex uffiċjali. Arnaud jgħid li wħud minnhom m'għadhomx hemm. Mercieca jikkummenta li staqsieh fil-bidu min huma l-uffiċjali u issa qed jiskopru li hemm aktar.
12:43 L-avukat jistaqsi min kien ikun preżenti għal dawn il-laqgħat ma' Melvin Theuma. Għall-istqarrijiet kien ikun hemm hu u l-Ispettur Zahra. Fl-aħħar stqarrija li ta Theuma ma jafx min kien hemm, skont min kien hemm fl-uffiċċju dak il-ħin.
12:42 Minn Novembru s'issa, jispjega Arnaud, ma ttiħdux stqarrijiet awdjoviżivi ta' meta hu kellem lil Theuma. Hemm aktar minn rikording wieħed minn dakinhar 'l hawn. Saru inqas minn 10 stqarrijiet.
12:41 Hemm tal-anqas sitt stqarrijiet li ta Melvin Theuma f'temp ta' tliet ġimgħat f'Novembru. Arnaud għandu jipprovdi d-dati eżatti.
12:40 Minn dakinhar 'l hawn, kellem lil Theuma diversi drabi, imma ma jżommx rekord. L-avukat jistaqsi kienx hemm drabi li kellmu off the record. Arnaud jikkjarifika li kien hemm drabi meta ma kienx hemm bżonn stqarrija awdjoviżiva.
12:40 L-ewwel darba li Arnaud kellem lil Theuma kien fl-14 ta' Novembru, dakinhar li ġie arrestat. Jgħid li hu ċert minn dan.
12:36 L-Ispettur iwieġeb li damu jkellmuh għal madwar nofs siegħa, jista' jkun iktar imma mhux ħafna iktar. Jgħid li dejjem kellmu fil-preżenza tal-avukati tiegħu.
12:35 Joħroġ il-mowbajl u jiċċekkja. Jgħid li 99.9% kien it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra għax it-Tnejn ma kienx xogħol hu.
12:34 Ikomplu l-mistoqsijiet ta' Dr Mercieca. Jistaqsi issa kemm-il darba ġie arrestat Melvin Theuma, kemm-il darba ddaħħal għall-interrogazzjoni. Arnaud jgħid li l-aħħar darba kienet din il-ġimgħa, imma ma jiftakarx meta eżatt.
12:34 Is-seduta hija interrotta għal ftit minn telefonata fuq Skype fuq il-laptop tal-inġinier tas-sound.
12:33 Il-Qorti tgħid li kienet qed tħalli lid-Difiża tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha, imma jekk trid tistaqsi fuq Aquilina, għadu jrid jissejjaħ bħala xhud l-ewwel.
12:32 Il-Qorti tissospendi din ix-xhieda għalissa.
12:31 Il-mistoqsijiet issa jduru fuq l-eks Supretendent Raymond Aquilina. Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona, għax tgħid li ma ssemmiex fit-testimonjanza ta' Arnaud.
12:31 L-Ispettur jissokta jgħid li l-Ġojja beda jirrifjuta li jwieġeb, allura waqfu hemm għall-istqarrija tiegħu lill-pulizija.
12:30 L-investigaturi lanqas ma staqsew lill-Ġojja fuq il-ħbiberija tiegħu ma' Melvin Theuma. L-Ispettur jispjega li l-interrogazzjoni kienet huma jistaqsu l-mistoqsijiet mingħajr ma jirċievu tweġiba.
12:29 Mercieca mid-Difiża jistaqsih jekk l-investigazzjoni ngħalqitx. Arnaud jgħid li le. Il-Ġojja ġie mwissi qabel xehed.
12:29 Ix-xhud iwieġeb li ma staqsewhx fuq il-ħbiberija tiegħu ma' Mario Tonna, meta jistaqsih fuq hekk l-avukat.
Mario Tonna huwa eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija li rreżenja wara allegazzjonijiet ta' vjolenza domestika. Riċentament huwa applika għal Kummissarju tal-Pulizija, iżda ma ntgħażilx.
12:28 Arnaud jgħid li staqsewh fuq hekk, jekk jiftakar sew, imma hu ma kienx konxju tagħha dak iż-żmien. Kien jaf li huma ħbieb imma ma kienx jaf li kien ilhom daqshekk ħbieb.
12:28 L-avukat jistaqsi lill-Ispettur jekk staqsewx lill-Ġojja fuq il-ħbiberija tiegħu mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
12:25 Il-Europol ma kinux preżenti meta sar rejd fir-residenza ta' Keith Schembri, kienu telqu. Arnaud jispjega li l-alternattiva kienet li jistennew sakemm huma jiġu lura biex jarrestaw lil Keith Schembri.
12:25 Il-Europol għandhom żewġ irwoli: bħala esperti tal-qorti u li jassistu lill-pulizija.
12:25 Mistoqsi l-Europol humiex preżenti Malta, l-Ispettur jgħid li jmorru u jiġu. Waqt il-pandemija ma kinux Malta.
12:24 Dan l-apparat qiegħed għand il-Europol.
12:24 Lill-Ġojja ħadulu apparat elettroniku.
12:24 L-avukat jistaqsih jekk staqsewx lill-Ġojja kemm għandu mowbajls. Arnaud jgħid li ma jiftakarx sewwasew, imma jaħseb li għandu tnejn.
12:23 Arnaud ma jridx jispeċifika kemm-il persuna semgħet ir-rikordings.
12:23 Il-mowbajl tal-Ġojja ħaduhulu meta ġie arrestat.
12:23 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li għadu ma semax ir-rikordings il-ġodda.
12:22 Jispjega, "He had told me 'M'hemmx iktar? Mingħalija kien hemm iktar,' and I understood that there could be more."
12:21 Arnaud jirrakkonta kif wara seduta minnhom, Theuma staqsieh sabux aktar rikordings. Meta Arnaud qallu li sabu biss ta' ġol-kaxxa, Theuma qalilhom ikomplu jinvestigaw. Arnaud ħeġġeġ lit-tim tiegħu jkompli jinvestiga.
12:20 Ir-rikordings il-ġodda meta nstabu? Arnaud jgħid li kien bejn Jannar u Frar ta' din is-sena. Theuma ħeġġiġhom jinvestigaw aktar.
12:18 Mistoqsi mill-ġdid, Arnaud jgħid li dan kien madwar jumejn jew tlett ijiem qabel ma l-Ġojja ntalab jitla' jixhed. Iżid li mhux ċert jekk il-Ġojja tax stqarrija waħda jew tnejn.
12:17 Ir-raġuni għal dan kienet li inizjalment, Brincat ma riedx jitkellem. Allura l-Ispettur ried jara jekk Brincat hux se jitkellem, u mbagħad jipprepara l-mistoqsijiet li se jistaqsi fil-qorti skont x'jagħmel.
12:17 L-avukat jistaqsi meta kienet l-aħħar darba li bagħtu għall-Ġojja. Arnaud jgħid li kien f'Novembru, madwar ħamest ijiem qabel xehed fil-qorti.
12:16 Imiss issa mistoqsijiet fuq Edwin (il-Ġojja) Brincat, ħabib kbir ta' Melvin Theuma.
12:16 L-avukat jistaqsi meta beħsiebhom itemmu l-investigazzjoni. Il-Qorti toġġezzjona għal din il-mistoqsija.
12:15 L-Ispettur jgħid li ma ħadux il-mowbajl tat-tabib għax ma kellhom l-ebda raġuni biex jagħmlu dan. Hu m'għadux qed jiġi investigat.
12:15 L-investigazzjoni fuq it-tabib għadha għaddejja.
12:15 Arnaud jieħu nota li jrid jiċċekkja kemm dam arrestat Dr Adrian Vella u kemm-il stqarrija ta, fost dettalji oħra.
12:14 L-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni jgħidilhom jevitaw kummenti bħal dawn. Il-Maġistrat Montebello tgħid li ma semgħetx kummenti.
12:14 L-Avukat Charles Mercieca jdur fuq l-Avukat Gianluca Caruana Curran u jgħidlu, "Ma jaf xejn u l-investigazzjoni tiegħu."
12:13 Dr Vella kien ġie arrestat u mbagħad ħareġ bil-bail.
12:13 L-Ispettur jgħid li jaħseb li t-Tabib Vella ta tliet stqarrijiet lill-pulizija.
12:13 L-avukat jistaqsih jekk Zahra jafx iwieġeb aħjar. Arnaud jgħidlu li ma kienx jaf li se jidħlu f'dan id-dettall kollu.
12:12 Mercieca jfakkar lil Arnaud li hu l-investigatur ewlieni fil-każ. Arnaud jikkoreġih u jgħidlu li hu u anke Kurt Zahra l-investigaturi ewlenin.
12:12 Mistoqsi kemm-il darba ġie interrogat Dr Vella, Arnaud jgħid li jekk mhux żbaljat, interrogawh tliet darbiet: darbtejn f'Novembru u darba f'Diċembru.
12:11 Dr Mercieca issa jistaqsi fuq it-Tabib Adrian Vella, it-tabib ta' Keith Schembri u Yorgen Fenech.
12:11 Arnaud iwieġeb li le, Kenneth Camilleri jissemma fir-rikordings imma leħnu ma jinstemax.
12:11 Mercieca jistaqsi jekk Kenneth ta' Kastilja tħalliex jisma' r-rikordings.
12:09 L-Ispettur Keith Arnaud irid jiċċekkja fuq it-tul tal-istqarrijiet.
12:09 M'hemm l-ebda investigazzjoni għaddejja fuq Johann Cremona.
12:08 Dr Galea Farrugia jikkjarifika li mistoqsijiet bħal, "Emmintu?" għandhom jiġu evitati peress li Arnaud ma jkunx jista' jixhed dwar dan fil-qorti bil-miftuħ.
12:07 Il-Qorti tiddeċiedi li mistoqsijiet ġeneriċi huma pertinenti u leġittimi għax ma tħossx li qed isir xi preġudizzju li jaf itellef mill-prosekuzzjoni.
12:04 Jintervjeni Dr Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u joġġezzjona għall-mistoqsijiet ta' Dr Mercieca fuq Kenneth Camilleri, peress li l-investigazzjoni għadha għaddejja u dan jista' jkun suġġett għal aktar investigazzjoni jew għal prosekuzzjoni.
12:03 Arnaud jgħid li lil "Kenneth ta' Kastilja" interrogawh darbtejn f'Novembru f'temp ta' ġimagħtejn/3 ġimgħat, u darba riċenti. Jidhirlu li Camilleri ta madwar żewġ jew tliet stqarrijiet lill-pulizija.
12:03 Il-mistoqsijiet issa jiffukaw fuq Kenneth Camilleri, li kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà mal-Prim Ministru Joseph Muscat f'Kastilja.
12:01 Dr Mercieca jistaqsi kemm kienet wiesgħa l-investigazzjoni. L-Ispettur jgħid li li kieku kienu jafu b'persuna li għandha informazzjoni pertinenti, kienu jkellmuha.
12:01 L-avukat ikompli jistaqsi jekk il-pulizija tkellmux mal-kollegi ta' Cremona. L-Ispettur jgħid li ma kellmuhomx.
12:01 "Tilfu wkoll?" jistaqsi Mercieca. Arnaud iwieġeb, "Le."
12:00 L-avukat jistaqsi lill-Ispettur jekk il-pulizija ħadux il-mowbajl ta' Cremona. Arnaud jgħid li le.
11:59 Ir-rikordings qed jiġu analizzati mit-task force, li hi magħmula minn 12-il individwu, inkluż uħud mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
11:59 Arnaud jgħid li l-parte civile m'għandhomx kopja, u lanqas l-Avukat Ġenerali, jekk jiftakar sew. Id-Difiża lanqas ma għandha kopja.
11:59 Dr Mercieca jistaqsi min għandu kopja tar-rikordings li ma ġewx esebiti fil-qorti.
11:58 Il-Qorti tikkjarifika li dawn ir-rikordings instabu waqt it-tfittxija.
11:58 Mir-rikordings li nstabu fuq il-hard drive, instema' wieħed biss fil-qorti. Ir-rikordings li nstabu fil-kaxxa ta' Melvin Theuma ġew esebiti fil-qorti.
11:57 Cremona kien jisma' biċċa mit-tape, jispjega x'qed jingħad fiha, u dak li jgħid hu kien jinġabar bħala stqarrija.
11:57 L-Avukat Mercieca jistaqsi lix-xhud jekk ħalliex lil Cremona jisma' r-rikordings qabel xehed fil-qorti jew wara. Qabel, jgħid Arnaud.
11:55 Il-Qorti semgħet biss wieħed minn dawn ir-rikordings.
11:55 Huwa sema' bejn 9 u 10 rikordings.
11:54 Cremona ntalab jispjega r-rikordings fejn jinstema' jitkellem hu.
11:53 Huwa nżamm għal massimu ta' tliet sigħat. F'din is-sessjoni semgħu r-rikordings il-ġodda, il-partijiet li jikkonċernaw lil Cremona.
11:53 Johann Cremona qatt ma kien arrestat.
11:53 Mistoqsi meta kien l-aħħar li bagħat għal Cremona, Arnaud jgħid li dan kien b'rabta ma' rikordings ġodda. Jgħid li hemm DVD.
11:52 L-Ispettur jgħid li bagħtu għal Cremona sitt darbiet fiċ-ċert.
11:52 Il-Qorti tikkjarifika li Arnaud jrid jivverifika d-dati eżatti.
11:51 Mistoqsi kemm-il darba bagħat għal Johann Cremona, Arnaud jgħid li xi 4/5 darbiet f'Novembru tal-2019, qabel xehed.
11:51 Is-suġġett issa jdur fuq Johann Cremona.
11:50 Mistoqsi jekk ikkomunikax ma' Schembri, anke permezz ta' terzi partijiet, Arnaud iwieġeb li le. Jgħid li l-investigazzjonijiet fuq Keith Schembri għadhom għaddejjin.
11:49 L-avukat jistaqsi lill-Ispettur jekk qatt ippruvawx jagħmlu rikostruzzjoni tal-mowbajl, jekk kellmux lill-provdituri tas-servzz. Arnaud jgħid li kellmu lill-Vodafone, u l-inġinier tahom rapport. Kellmuh fi ftit jiem minn meta saru jafu bil-mowbajl mitluf.
11:48 Mercieca jistaqsi fejn saru t-tfittxijiet. Arnaud jgħid li fid-dar ta' Schembri, minn fejn ħadu l-laptop tiegħu. Mistoqsi meta saru jafu li Keith Schembri tilef il-mowbajl, Arnaud jgħid li waqt it-tfittxija, qabel ma ta stqarrija.
11:47 Il-mowbajl ta' Keith Schembri
Mercieca: "Ħadtlu l-mowbajl, hux?"
Arnaud: "Diġà xhedt… Le."
Mercieca: "Staqsejtu kemm għandu mowbajls?"
Arnaud: "Ma niftakarx eżatt."
11:47 L-Ispettur jgħid li fis-26 ta' Novembru għamel stqarrija waħda żgur, imma d-dokumenti mhumiex fuqu, għaliex ma kienx jaf li se jidħlu f'dan id-dettall kollu.
11:46 Mercieca jistaqsi kemm-il stqarrija ta Schembri fis-26 ta' Novembru, peress li l-Ispettur qal li Schembri ta madwar 3/4 stqarrijiet lill-Pulizija b'kollox.
11:45 L-Avukat Mercieca jgħid, "Inkun żbaljat jekk ngħid li anke l-Europol kienu preżenti?"
L-Ispettur iwieġeb li l-Europol ma kinux preżenti waqt l-interrogazzjoni ta' Schembri.
11:43 L-avukat staqsa lil Arnaud min interroga lil Schembri. Kienu l-Ispettur Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra li interrogawh.
11:43 Arnaud jgħid li Schembri kien il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fis-26 u fis-27 ta' Novembru. L-ewwel darba kien hemm għal kważi 48 siegħa.
11:42 Dr Mercieca jistaqsi kemm-il stqarrija għamel Schembri mal-Pulizija. Arnaud jgħid li ma jafx hux 3 jew 4. "Fl-istess jum?" jistaqsi Mercieca.
11:42 Arnaud jgħid li Keith Schembri ġie arrestat fis-26 ta' Novembru u mbagħad ħareġ bil-bail. Ġie arrestat darbtejn.
11:42 Dr Mercieca jistaqsi lill-Ispettur kemm-il darba bagħat għal Keith Schembri.
11:41 "Kollha assumejna jew xtaqna li nsibu r-rikordings hemm."
11:41 L-Ispettur jgħid li kien wara li ġie arrestat Theuma. Rah iżomm il-kaxxa. Ċempel lill-Ispettur Vella li arrestah u dan qallu li Theuma insista li l-kaxxa jrid jiftaħha quddiem il-Kummissarju waħdu jew quddiem Arnaud u l-Kummissarju.
11:40 Il-Maġistrat Montebello tintervjeni meta l-Ispettur u l-avukat jibdew jargumentaw. Tfakkar lill-Avukat Mercieca biex iżomm il-kummenti tiegħu għalih.
11:40 Ix-xhud jispjega għaliex assuma li fil-kaxxa kien hemm ir-rikordings li ħa Melvin Theuma.
11:38 Mercieca jistaqsi lil Arnaud kienx jaf x'kien hemm fil-kaxxa. Arnaud iwieġeb li assuma, peress li l-każ kien jiddependi minn dawn ir-rikordings.
11:37 L-Ispettur ikompli jispjega li kien preżenti meta saru t-tfittxijiet imma mhux għall-arrest. Kien l-Ispettur Vella li informa lil Arnaud bil-kaxxa li kellu Theuma.
11:36 Arnaud jispjega li meta l-Ispettur Vella arresta lil Melvin Theuma, dan kellu kaxxa. Ried jitkellem mal-Kummissarju ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, waħdu, inkella ma' Cutajar u Arnaud, iżda Arnaud ma kienx preżenti.
11:36 Arnaud jgħid li Theuma ma kienx id-dar. Mhux ċert kienx Ħal Qormi, imma ma kienx hu li arrestah. Arrestah l-Ispettur Nicholas Vella.
11:35 Mercieca jistaqsi eżattament fejn ġie arrestat Melvin Theuma.
11:35 Dr Mercieca: Li kieku kelli ngħidlek li Cutajar infurmak bir-rikordings?
Arnaud: Le, żgur li le. Ċert 200%.
11:34 L-Ispettur jgħid li ma jafx min qed jinvestiga lil Cutajar.
11:33 L-avukat ikompli jistaqsi jekk Arnaud bagħatx għal Cutajar wara li l-Qorti ordnat li l-eks Kummissarju jibda jiġi investigat.
Arnaud iwieġeb li din l-ordni ngħatat fil-qorti bil-miftuħ u l-investigazzjoni ma ġietx assenjata lilu.
11:33 Dr Mercieca jistaqsi kemm-il darba Cutajar iltaqa' mal-Ġojja. Arnaud jgħid li Cutajar qalilhom b'laqgħa waħda partikolari.
11:32 Arnaud jgħid li Cutajar għamel stqarrija mal-Maġistrat inkwirenti, imma mhux ċert kinitx irrekordjata.
11:32 Dr Mercieca jistaqsi fuq l-inkjesta. Il-Maġistrat Montebello tgħid li jekk se jidħlu fid-dettall, l-aħjar li x-xhieda tibqa' tinstema' fil-magħluq.
11:31 Arnaud jispjega li kien hemm għadd ta' laqgħat minn dawn li hu m'attendiex għalihom jew li wasal tard għalihom. Imma kien preżenti għal-laqgħa meta l-Maġistrat ġiet infurmata bil-laqgħa bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija u l-akbar ħabib ta' Melvin Theuma.
11:31 Dr Mercieca jagħfsu għad-data ta' meta infurmaw lill-Maġistrat bil-laqgħa bejn Cutajar u l-Ġojja. Arnaud jiċċekkja għad-data fin-noti tiegħu.
11:28 L-Ispettur Arnaud jgħid li bejn April u Ġunju kienu jiltaqgħu ta' sikwit mal-maġistrat inkwirenti. Kien hemm madwar 8/9 laqgħat.
11:26 Mistoqsi x'għamlu meta saru jafu li l-eks Kummissarju ltaqa' mal-akbar ħabib ta' Theuma, Arnaud jgħid, "Ma kienx hemm x'tagħmel iktar."
11:25 Mill-informazzjoni li kellhom, għamlu laqgħa li fiha ried ikun preżenti Lawrence Cutajar. Mistoqsi fuq il-laqgħa tiegħu mal-Ġojja, huwa ammetta mill-ewwel.
11:24 Mistoqsi dwar dan it-tim, Arnaud jispjega li dan hu magħmul mill-Iskwadra tal-Omiċidji, li tikkonsisti mill-Ispettur Kurt Zahra, żewġ kuntistabbli oħra u madwar seba'/tmien uffiċjali mis-Servizz Sigriet.
Lejn tmiem l-2018, ingħaqad magħhom surġent ieħor.
11:24 Arnaud jgħid li hemm investigazzjoni. Meta sar jaf li jaf kien hemm din il-laqgħa bejn iż-żewġ irġiel, hu informa lit-tim kollu.
11:23 Dr Charles Mercieca jistaqsi lill-Ispettur Keith Arnaud x'għamel wara li sar jaf li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien kellem lil Edwin (il-Ġojja) Brincat fuq ir-rikordings ta' Melvin Theuma.
11:18 Ninsabu lura fl-awla biex inkomplu naġġornawkom b'li qed jingħad fil-qorti.
10:58 Il-pubbliku, inkluż il-ġurnalisti, huwa mitlub joħroġ barra mill-awla sakemm jixhed Arnaud.
10:57 Il-Qorti tordna li Arnaud illum jixhed fil-magħluq fuq il-kontenut tal-maħfra presidenzjali. Qed tirriżerva d-dritt li titlob li d-dokument jiġi esebit aktar tard.
10:53 Dr Mercieca jikkwota l-liġi tar-Renju Unit fuq il-maħfriet. Dr Galea Farrugia jtenni li l-maħfra mhix evidenza.
10:51 B'referenza għal-liġi kkwotata minn Dr Mercieca, l-avukat jgħid li x-xhud kien ingħata maħfra presidenzjali għal każ wieħed. Melvin Theuma, iżda, qed jagħti informazzjoni fuq madwar erba' jew ħames offiżi oħra mhux relatati ma' dan il-każ. L-investigazzjonijiet dwar dawn il-każijiet għadhom għaddejjin, allura jekk jiġi esebit id-dokument, dan jaf itellef mill-investigazzjonijiet fuq il-każijiet l-oħra.
10:50 Dr Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-AĠ jgħid li fl-ebda punt ma x-xhud l-Ispettur Keith Arnaud kiser l-ordnijiet tal-Qorti. Jispjega li d-dokument mhuwiex wieħed pubbliku.
10:47 Tidħol fl-awla Dr Therese Comodini Cachia, li flimkien ma' Dr Jason Azzopardi, qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia.
10:46 Waqt li Yorgen Fenech qed jersaq lejn it-tim tad-difiża tiegħu, huma qegħdin jargumentaw li l-maħfra presidenzjali trid tiġi esebita għat-trasparenza u għall-prinċipju tal-ugwaljanza.
10:45 Il-Qorti tistaqsi x'inhu l-punt ta' din l-evidenza.
10:44 L-avukat ikompli jgħid li hu inkwetanti li xhud iddeċieda li ma jġibx l-evidenza miegħu. Jgħid li mhuwiex biss essenzjali għad-Difiża, imma anke biex jiċċekkjaw jekk ix-xhud huwiex jgħid il-verità.
10:43 Dr Mercieca jgħid li meta, fil-passat, nies oħra ngħataw maħfra presidenzjali, din ġiet esebita fil-qorti u kkwotata fis-sentenza mogħtija mill-Qorti wkoll. Jistqarr li ma jistax jifhem għaliex dan ma japplikax din id-darba.
10:42 Il-kontro-eżami ta' Keith Arnaud huwa sospiż.
10:42 Arnaud jaqbel ma' dan u jgħid li d-dokument mhux fuqu. Jispjega li l-Avukat Ġenerali qallu ma jesebixxix il-maħfra presidenzjali minħabba xi dettalji.
10:41 Dr Galea Farrugia jgħid li l-maħfra presidenzjali mhix fuqhom, u li huwa qal lil Arnaud biex ma jġibx id-dokument il-qorti.
10:41 Il-Maġistrat tgħid li dan diġà sar.
10:41 Dr Mercieca jistaqsi lill-Ispettur Arnaud biex jippreżenta l-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvin Theuma.
10:37 Theuma jgħid li m'għandux mowbajl. Cutajar u Theuma jitħallew joħorġu mill-awla.
10:37 Jissejħu Melvin Theuma u Lawrence Cutajar ġol-awla. Jintalbu ma jaċċessawx il-bloggs. Se jkollhom uffiċjal tal-Qorti magħhom.
10:35 Dr Mercieca jgħid lill-Qorti li għalkemm il-ġurnalisti jagħmlu biċċa xogħol tajba, hemm żewġ xhieda barra. Iwissi li jekk ix-xhieda jaqraw il-bloggs live, se jkunu jafu x'qed jingħad fl-awla.
10:33 L-ewwel se jsir il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.
10:31 Tidħol il-Maġistrat Rachel Montebello.
10:30 Fenech ipoġġi fit-tarf tal-bank. Idur u jitbissem lil ħbiebu u lil familtu.
10:30 Jidħol fl-awla Yorgen Fenech. Jilqgħu l-avukat tiegħu Dr Charles Mercieca.
10:26 Fl-awla hawn ukoll xi membri tal-familja u ħbieb ta' Yorgen Fenech.
10:24 Warajh daħlu l-avukati Dr Matthew Brincat u Dr Kathleen Grima, li qegħdin jassistu lil Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, li kien il-kuntatt bejn Yorgen Fenech u t-tliet irġiel akkużati li qatlu lill-ġurnalista: George Degiorgio (iċ-Ċiniż), Alfred Degiorgio (il-Fulu) u Vince Muscat (il-Koħħu).
10:23 Jidħol fl-awla Dr Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista assassinata li qed jirrappreżenta lill-familja fil-professjoni tiegħu ta' avukat ukoll.
10:17 Il-Maġistrat Rachel Montebello se tippresiedi fuq il-kontro-eżami ta' Melvin Theuma.
10:09 Jiddaħħlu aktar siġġijiet fl-awla.
10:09 Warajhom daħal Dr Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja Caruana Galizia.
10:09 Jidħlu fl-awla l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra li qed imexxu l-Prosekuzzjoni.
10:07 Ftit tal-minuti ilu, uffiċjal tal-Qorti neħħa l-maġġoranza tal-plastik li jinsab fuq il-bankijiet sabiex tinżamm id-distanza bejn dawk preżenti meta jpoġġu.
09:55 Daħlu wkoll l-avukati Dr Philip Galea Farrugia u Dr Nadia Attard li qegħdin jidhru f'isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
09:53 Għadhom kemm daħlu fl-awla l-avukati tad-difiża: Dr Marion Camilleri, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Charles Mercieca.
09:53 Ilmaħna lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar barra l-awla.
09:52 Bonġu, nilqgħukom għal dan ir-rappurtaġġ live minn awla 17.
Yorgen Fenech huwa rappreżentat mill-Avukati Dr Gianluca Caruana Curran, Dr Marion Camilleri u Dr Charles Mercieca. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, assistiti mill-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia.