Miċħuda t-talba ta’ Fenech biex jerġa’ jixhed Theuma fil-kumpilazzjoni

Read in English.

Il-Qorti llum ċaħdet it-talba ta’ Yorgen Fenech biex jixhed Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih.

Illum issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa jiċħad li hu ħati.

Il-Maġistrat Montebello wasslet digriet fuq ir-rikors ta’ Fenech, li talab li Theuma jixhed ma jdumx fil-kumpilazzjoni biex isirlu l-kontro-eżami, li jissemmgħu t-telefonati li ġew interċettati u li jinsabu fil-pussess tal-Prosekuzzjoni, inkluż telefonati bejn Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, bejn Theuma u Brincat, u bejn Theuma u l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Xehdet Sylvana Debono f’isem l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart li fuqu, waqt intervista ma’ Prof. Andrew Azzopardi, Dr Jason Azzopardi qal li jemmen li Yorgen Fenech huwa ħati
  • Id-Difiża argumentat li b’dak il-kumment, Azzopardi kien qed jinfluwenza lill-kostitwenti li vvutawlu billi huwa wkoll politiku; uħud minnhom jaf iridu jiġġudikaw lil Fenech meta jgħaddi ġuri
  • Dr Azzopardi ssejjaħ biex jixhed u ġie mistoqsi kienx qed jitkellem bħala politiku jew bħala l-avukat tal-familja Caruana Galizia
  • “Allaħares ngħidu li b’xandira waħda fuq ir-radju għandna kampanja vjolenti fuq il-midja” – Dr Therese Comodini Cachia
  • Fid-digriet tagħha, il-Maġistrat irrifjutat it-talba ta’ Fenech għal referenza kostituzzjonali; irrifjutat li jerġgħu jintalbu jixhdu Melvin Theuma u Johann Cremona biex isirilhom il-kontro-eżami mid-Difiża
  • L-uffiċjali tal-Europol se jixhdu fit-30 ta’ Novembru u fit-2 ta’ Diċembru.

Mill-qorti minuta b’minuta…

14:34 Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin tas-seduta tal-lum fl-artiklu.
Sephora Francalanza
14:34 Dak kien kollox għal-lum. Grazzi talli segwejtuna!
Sephora Francalanza
14:33 L-Avukat tad-Difiża jerġa' jsemmi r-rikors li ressaq hu f'ismu fuq inċident li ġara lbieraħ. Il-Maġistrat tgħid li l-ewwel trid taqrah hi r-rikors, imma tikkonferma li se jiġi inkluż fl-atti tal-kumpilazzjoni.
Sephora Francalanza
14:30 Dr Mercieca jgħid li f'Ottubru kellhom jiġu ppreżentati xi stqarrijiet min-naħa tad-Difiża. Il-Qorti qed tistenna lit-traskrittur biex jindika xi ħinijiet.
Sephora Francalanza
14:29 Qed jiġu miftiehma d-dati li jmiss: se ssir seduta fis-26 ta' Novembru mill-10am sas-2.30pm, u oħra fit-30 ta' Novembru għall-ħabta tas-1.30pm sat-3pm.

Fit-30 ta' Novembru u fit-2 ta' Diċembru se jixhdu uffiċjali tal-Europol.
Sephora Francalanza
14:28 L-Ispettur Arnaud jgħid li qed jikkomunikaw mal-Europol biex jiġu jixhdu.
Sephora Francalanza
14:28 Dr Mercieca jgħid li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jintilfu konverżazzjonijiet li d-Difiża talbet li jiġu ppreservati.

"Bħal daż-żmien sena ilu kulħadd jaf x'ġara," jikkummenta.
Sephora Francalanza
14:28 Saħqet li ħadd mhu jwaqqaf lill-akkużat milli jippreżenta l-evidenza tiegħu.

Tikkonkludi wkoll li l-argument tad-Difiża li qed jinkisru d-drittijiet tal-akkużat huwa wieħed frivolu.
Sephora Francalanza
14:28 Ma qablitx lanqas mal-argument tad-Difiża li l-Avukat Ġenerali kien qed iħaffef biex jippreżenta l-evidenza. Tkellmet fuq l-irwol tal-AĠ li jippreżenta l-evidenza kollha li jista' favur jew kontra l-akkużat.
Sephora Francalanza
14:24 Fid-digriet tagħha, il-Maġistrat irrifjutat it-talba ta' Fenech għal referenza kostituzzjonali.

Stqarret li l-Qorti ma taqbilx mal-argument tad-Difiża li l-proċedura addottata meta l-Avukat Ġenerali għadda d-dokumenti ħalliet lill-akkużat żvantaġġjat jew tellfitu milli jippreżenta evidenza 'l quddiem.
Sephora Francalanza
14:23 Aqra aktar dwar ir-rikors ta' Fenech hawn:
newsbook.com.mt/yorgen-fenech-brikors-biex-theuma-jixhed-fis-seduta-li-jmiss/
Sephora Francalanza
14:16 Id-digriet jgħid li l-Qorti tiċħad li tisma' t-talba tal-akkużat Yorgen Fenech. Fir-rikors tiegħu huwa talab li jitilgħu jixhdu mill-ġdid Melvin Theuma u Johann Cremona.
Sephora Francalanza
14:16 Ir-rikors ġie diskuss fit-tul fl-aħħar seduta tal-ġimgħa li għaddiet. Il-punti ewlenin ta' din is-seduta jinsabu fl-artiklu.
Sephora Francalanza
14:13 Dan id-digriet jirrigwarda r-rikors imressaq minn Yorgen Fenech bit-talba li tressaq ix-xhieda tagħha f'seduta dalwaqt, madankollu, peress li l-atti tal-każ diġà kienu għand il-Maġistrat sedenti, ir-rikors tqies li ddaħħal tard.
Sephora Francalanza
14:12 Yorgen Fenech isejjaħ lill-avukat tiegħu biex ikellmu.
Sephora Francalanza
14:12 Kulħadd qed jisma' b'attenzjoni. Dr Peter Caruana Galizia qed jisma' d-digriet jinqara b'għajnejh magħluqin.
Sephora Francalanza
14:08 Il-Maġistrat Montebello qed taqra d-digriet. Xħin jissemma l-Avukat Ġenerali, Dr Jason Azzopardi jtaptap fuq spallet Dr Galea Farrugia minn dan l-uffiċċju.
Sephora Francalanza
14:08 Il-Maġistrat se taqra d-digriet tagħha.
Sephora Francalanza
14:08 Il-Maġistrat għadha kemm daħlet fl-awla.
Sephora Francalanza
14:05 Kulħadd jinsab fl-awla jistenna s-seduta tkompli. Il-Maġistrat Montebello għadha ma waslitx.
Sephora Francalanza
13:52 Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile għadhom kemm daħlu fl-awla wkoll.
Sephora Francalanza
13:51 Id-Difiża tinsab fl-awla, flimkien mal-akkużat Yorgen Fenech u l-membri tal-familja tiegħu.
Sephora Francalanza
13:51 Erġajna lura f'awla 17.
Sephora Francalanza
12:54 Illum mhux se jinstemgħu xhieda.
Sephora Francalanza
12:51 Is-seduta sospiża sas-1.45pm.
Sephora Francalanza
12:51 Għaldaqstant, il-Qorti se tgħaddi biex tipprovdi digriet fuq dan ir-rikors.
Sephora Francalanza
12:49 Dr Comodini Cachia tgħaddi xi kummenti fuq każijiet ikkwotati minn Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
12:49 "Aħna m'aħna nitolbu xejn iktar jew xejn inqas mir-rimedju li tagħtik il-liġi," jikkonkludi Mercieca.
Sephora Francalanza
12:47 Wara li wiegħed li jżomm il-punti tiegħu fil-qosor, l-avukat jgħid, "Mar fuq programm u ma kellux ħila jistaqsi lill-ġurnalist jillimita l-mistoqsijiet fuq tip ta' xogħol, lanqas refa' r-responsabbiltà li jiċċara taħt liem kapaċità kien qed jitkellem."
Sephora Francalanza
12:41 Dr Mercieca issa jwieġeb l-argumenti ta' Dr Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
12:40 Malli ttemm l-argumenti tagħha Dr Comodini Cachia, Dr Azzopardi taptpilha fuq spallejha u qalilha, "Proset."
Sephora Francalanza
12:38 Tisħaq li min jaf kemm se jgħaddu xhur bejn din ix-xandira u meta l-ġurati jaslu biex jaraw Yorgen Fenech huwiex ħati.
Sephora Francalanza
12:36 "Allaħares ngħidu li b'xandira waħda fuq ir-radju għandna violent press campaign."

Biex ikun hemm kampanja ta' din ix-xorta jrid ikun hemm sensiela ta' xandiriet li jtappnu lill-akkużat, tinsisti l-avukata.
Sephora Francalanza
12:35 "Bejn l-ispeaker u avukat tal-parte civile hemm baħar jaqsam," targumenta Dr Comodini Cachia hi u tirreferi għal każ li kkwota Dr Mercieca meta qal li l-ispeaker tal-Parlament jitqies uffiċjal pubbliku. Tgħid, "Mhux ovvja? Anke f'Malta."
Sephora Francalanza
12:34 Fenech isejjaħ lill-Avukat Mercieca biex ikellmu.
Sephora Francalanza
12:33 Dr Comodini Cachia tgħid li d-direttiva ma tispeċifikax għax kull stat membru jvarja fid-definizzjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
12:29 L-avukata tirreferi wkoll għad-direttiva tal-UE li semma Dr Mercieca, u tgħid, "Inzertajt naf xi ħaġa dwar din id-direttiva għax kont waħda minn dawk li kitbuha."

Tgħid li fid-direttiva bl-ebda mod ma tingħata definizzjoni ta' uffiċjali pubbliċi.
Sephora Francalanza
12:28 Issostni li li kieku Azzopardi ma jemminx li Fenech huwa ħati, ikun qed jeħli l-ħin tal-Qorti.

Dr Mercieca u Fenech iħarsu lejn xulxin u jidhru qed joġġezzjonaw għal kliem Dr Comodini Cachia, hi u tirredikola l-argument tad-Difiża.
Sephora Francalanza
12:26 Skont Comodini Cachia, kien hemm mistoqsija partikolari li d-Difiża dejqitha fil-programm, dik fejn Prof. Azzopardi staqsa lil Dr Azzopardi jekk fil-fehma tiegħu Yorgen Fenech huwiex ħati.

Ittenni li Dr Azzopardi kien qed jitkellem bħala l-avukat tal-familja. "Jidher ċar li mhux biss fehem il-mistoqsija b'dak il-mod, imma weġibha b'dak il-mod."
Sephora Francalanza
12:24 Dr Comodini Cachia tgħid li hi u tisma' lil Mercieca, kellha tmur lura għar-rikors ippreżentat.

It-talba speċifika tiegħu tgħid li għandu jiġi provdut rimedju xieraq għall-istess ksur – sabiex jiġi aċċertat li dikjarazzjonijiet simili fil-futur jiġu evitati u b'xi mod tiġi newtralizzata l-ħsara irreparabbli.

"Id-Difiża ma ġabitx l-iċken prova ta' rimedju ta' ħsara irreparabbli."
Sephora Francalanza
12:24 "M'aħniex nitkellmu fuq ċuċati, qed nitkellmu fuq il-prinċipju tal-preżunżjoni tal-innoċenza. B'dak li ntqal fuq il-programm qed jiġi kkundizzjonat moħħ il-persuna li għad trid tiġġudika lis-Sur Fenech," jikkonkludi Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
12:21 B'hekk, jikkonkludi Mercieca, Azzopardi qed jikser il-liġi darbtejn.
Sephora Francalanza
12:20 Dr Mercieca qed jirreferi għal liġijiet differenti, ħafna minnhom Ewropej, li jipprovdu definizzjoni ta' x'inhu uffiċjal pubbliku. Ħafna minn dawn id-definizzjonijiet jinkludu membri parlamentari u ministri li jservu bħala uffiċjali pubbliċi.
Sephora Francalanza
12:14 Jikkwota każ mill-1964 li fih jingħad li kull persuna li titħallas mit-taxxi tal-poplu għandha responsabbiltà lejn il-poplu. Hekk għandu Jason Azzopardi, jgħid l-avukat.
Sephora Francalanza
12:13 "Ċaħadhom meta qal li mhuwiex uffiċjal pubbliku," jargumenta l-Avukat tad-Difiża.
Sephora Francalanza
12:12 Dr Mercieca jisħaq li kif qal Azzopardi li jirrappreżenta lil madwar 25,000 kostitwenti, huwa jinfluwenzahom. Saħaq li dawn huma eliġibbli li jikkundannaw lil Yorgen Fenech minn hawn u ftit snin oħra.
Sephora Francalanza
12:11 Jgħid li minħabba li hu politiku u jirrappreżenta kostitwenza, għandu aktar responsabbiltà minn sempliċiment avukat fil-każ.
Sephora Francalanza
12:11 Dr Mercieca jgħid li fejn jaqbillu, Dr Azzopardi jilbes ukoll il-kappell ta' membru parlamentari.
Sephora Francalanza
12:09 Jargumenta li l-liġi tgħid li kull min ikun involut fil-prosekuzzjoni ta' każ, aktar u aktar jekk ikollu rwol politiku, irid iħares il-preżunzjoni tal-innoċenza.
Sephora Francalanza
12:09 Jgħid li jekk tonqos waħda minn dawn il-valuri, "Where are our leaders?"
Sephora Francalanza
12:05 Ikompli jgħid li ministri, il-prosekuzzjoni, għandhom id-dmir iħarsu l-preżunzjoni tal-innoċenza, għax billi għandhom pożizzjoni għolja fil-pajjiż, jistgħu jinfluwenzaw moħħ dak li jkun.

"Meta kont tifel kont mgħallem li aktar kemm ikollok pożizzjoni għolja, aktar trid tagħti eżempju."

Huwa jikkwota l-Att dwar l-Istandards.
Sephora Francalanza
12:04 Dr Mercieca jibda jgħid kif kulħadd għandu d-dritt li jitqies innoċenti.
Sephora Francalanza
12:03 Id-Difiża issa se tagħmel xi sottomissjonijiet.
Sephora Francalanza
12:02 Tintemm ix-xhieda ta' Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
12:02 Dr Azzopardi jgħid li kif ħa l-ġurament meta sar avukat, l-interess tiegħu huwa lejn il-Qorti. Flimkien ma' Dr Comodini Cachia, huwa jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
12:00 Ibiddel il-mistoqsija dwar jekk il-Prosekuzzjoni u l-parte civile jaħdmux qrib ħafna ta' xulxin,

L-avukati parte civile joġġezzjonaw għal dil-mistoqsija, u anke l-Maġistrat.

Il-Maġistrat tidher frustrata u tgħid li din sottomissjoni, mhux domanda li ssir lix-xhud fuq fatti.
Sephora Francalanza
11:59 Mistoqsi minn Dr Mercieca, Dr Azzopardi jgħid li mhux minnu li l-interessi tal-parte civile u tal-Prosekuzzjoni huma l-istess – huma biss simili ħafna.
Sephora Francalanza
11:58 Tirreferi għar-rikors fejn issir referenza għal mistoqsija li għamel Prof. Andrew Azzopardi lil Dr Jason Azzopardi.

"Jiġifieri Yorgen Fenech, fil-fehma tagħkom, huwa ħati?" staqsa Prof. Andrew Azzopardi.

Tistaqsih "tagħkom" għal min kienet qed tirreferi. Dr Azzopardi jgħid li għalih kienet ovvja li kien qed jiġi mistoqsi u qed iwieġeb bħala wieħed mir-rappreżentanti tal-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:57 Dr Therese Comodini Cachia għandha domanda għal Dr Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:57 L-Avukat Mercieca jistaqsi lil Dr Azzopardi jekk jikkonfermax li ftit tal-jiem ilu informa lil gazzetta lokali li hu joqgħod għall-iskrutinju tal-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Prosekuzzjoni, il-parte civile u anke l-Maġistrat joġġezzjonaw għal din id-domanda.
Sephora Francalanza
11:56 Dr Mercieca jistaqsih infurmax lill-istazzjon f'liem kapaċità se jitkellem.

Jgħid li ma ddiskutiex dan mal-istazzjon.
Sephora Francalanza
11:54 L-Avukat Mercieca jistaqsi mill-ġdid Dr Azzopardi huwiex konxju li l-programm introduċieh bħala membru parlamentari.

Dr Azzopardi jgħid li hu ma joqgħodx jara l-promozzjoni tal-programm.
Sephora Francalanza
11:53 Dr Mercieca jerġa' jistaqsi, iżda, kienx qed jitkellem bħala avukat jew politiku.

Dr Azzopardi jgħid li hu evidenti li f'dak il-mument tkellem bħala avukat parte civile, meta semma li l-familja Caruana Galizia għadha ma ġietx ikkuntattjata. Tkellem ukoll bħala ċittadin, jgħid Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:53 Jinsisti li llimita ruħu għal dak li kien diġà fid-dominju pubbliku.
Sephora Francalanza
11:53 Dr Azzopardi jgħid li l-Erbgħa ta' qabel ixxandar il-programm, fit-28 t'Ottubru, kien hemm storja fuq il-faċċata tal-MaltaToday ta' intervista mal-Avukat Marc Sant li jirrappreżenta lil Vince Muscat il-Koħħu.

L-avukat jgħid li fil-programm ma qal xejn ġdid imma kien qed jirreferi għal din l-istorja.
Sephora Francalanza
11:51 L-Avukat Mercieca jgħid li Azzopardi ppreżenta informazzjoni oltre, fosthom fuq il-maħfra tal-Koħħu.

Jistaqsi lil Azzopardi kienx qed jitkellem bħala avukat parte civile jew bħala deputat parlamentari.
Sephora Francalanza
11:50 Dr Azzopardi jgħid li hu ġie mistoqsi mistoqsijiet differenti, li jvarjaw minn dawk politiċi għal dawk ta' natura legali fuq il-każ.
Sephora Francalanza
11:50 Dr Mercieca jsemmi kif f'xi waqtiet fil-programm, Dr Azzopardi ġie riferut bħala "Onorevoli."
Sephora Francalanza
11:49 Dr Mercieca jgħidlu li huwa qal li jaħseb li Fenech huwa ħati fil-programm.

Dr Azzopardi jikkonferma, jgħid li allaħares ma jemminx fil-kawża li hu jirrappreżenta f'din il-kumpilazzjoni.
Sephora Francalanza
11:48 Dr Azzopardi, hu u jaqra r-rikors, jikkjarifika li fil-programm huwa qal, "Yorgen Fenech jinsab akkużat li huwa mandant." Jenfasizza li uża l-kelma "akkużat."
Sephora Francalanza
11:48 Fir-rikors, Yorgen Fenech stqarr li huwa kien vittma ta’ ħsara irreparabbli li saret mill-Avukat Jason Azzopardi bl-istqarrijiet li huwa għamel fil-programm.
Sephora Francalanza
11:46 L-akkużat Yorgen Fenech ippreżenta rikors b'rabta ma' dal-programm:

newsbook.com.mt/fenech-brikors-fil-qorti-ghall-kummenti-li-ghadda-azzopardi/
Sephora Francalanza
11:45 Il-mistoqsijiet issa jduru għall-programm li xxandar fuq il-programm Andrew Azzopardi on 103, li fuqu saret intervista ta' Jason Azzopardi.

Aqra xi ntqal f'din l-intervista hawn:
newsbook.com.mt/il-kohhu-semma-ministru-brabta-ma-kaz-serju-hafna-jason-azzopardi/
Sephora Francalanza
11:45 Dr Mercieca jistaqsih kemm-il persuna minn dawn jirrappreżenta fil-Parlament.

Dr Azzopardi jgħid li jirrappreżenta lid-distrett kollu, huma min huma.
Sephora Francalanza
11:44 Mistoqsi, jgħid li bejn wieħed u ieħor kull distrett għandu bejn 20-25,000 votant.
Sephora Francalanza
11:44 Azzopardi jgħid li jirrappreżenta lir-raba' distrett elettorali.
Sephora Francalanza
11:43 Jispjega li hu membru parlamentari f'isem l-Oppożizzjoni.
Sephora Francalanza
11:43 Dr Mercieca jistaqsi lil Dr Azzopardi kemm ilu fil-politika. Dr Azzopardi jgħid li ġie elett fil-Parlament fl-1998.
Sephora Francalanza
11:42 Madankollu, il-Maġistrat tgħid li d-domandi u r-risposti għandhom ikunu professjonali u limitati għal dak li hu relevanti.
Sephora Francalanza
11:41 Dr Mercieca jgħid li d-Difiża trid li jixhed Dr Azzopardi.

"With pleasure," jgħid Dr Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:41 Tintemm hawn ix-xhieda ta' Sylvana Debono.
Sephora Francalanza
11:40 Dr Azzopardi, mistoqsi għandux mistoqsijiet għax-xhud, jgħid li le, u jgħid li jirringrazzja lill-istazzjon tal-istedina.
Sephora Francalanza
11:40 Mistoqsija minn Dr Mercieca, Debono tgħid li ma tistax tgħid eżattament kemm-il persuna semgħet il-programm, għaliex impossibbli tinġabar din l-istatistika.
Sephora Francalanza
11:39 Debono tgħid li l-programm rawh madwar 13,000 persuna. Tgħid, iżda, ma ppreparatx l-istatistika għax-xhieda tagħha.
Sephora Francalanza
11:39 Dr Mercieca jgħid li nnota li Dr Azzopardi fil-programm ġie riferut bħala membru parlamentari.
Sephora Francalanza
11:39 Jistaqsi lix-xhud jekk Azzopardi kienx qed jitkellem fil-programm bħala membru parlamentari. Ix-xhud tgħid li meta wieħed jintervista lil Dr Azzopardi, jistiednu għax għandu ħafna esperjenza.
Sephora Francalanza
11:37 Il-kontenut tal-istedina mhix ċerta x'kien fiha għax m'għamlithiex hi.
Sephora Francalanza
11:37 Dr Mercieca jistaqsi kif issir l-istedina għall-programm u Debono tgħid li jidhrilha li saret bit-telefown.
Sephora Francalanza
11:36 Sylvana Debono tippreżenta 3 pendrives: waħda għall-Qorti, waħda għall-akkużat u oħra għal Dr Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:36 Ix-xhud tispjega kif jixxandar il-programm – kemm fuq il-paġna ta' Facebook ta' Newsbook.com.mt, kif ukoll fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta's Heart.
Sephora Francalanza
11:34 Il-Maġistrat tgħid lix-xhud li hija ntalbet tippreżenta rikording tal-programm Andrew Azzopardi on 103, meta ġie intervistat l-Avukat Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:32 Ir-raġuni għaliex issejħet biex tixhed l-Editor in Chief ta' Newsbook.com.mt hija b'rabta mar-rikors tal-akkużat tad-9 ta' Novembru.
Sephora Francalanza
11:31 Tissejjaħ biex tixhed Sylvana Debono bħala rappreżentanta tal-istazzjon tar-radju 103 Malta's Heart.
Sephora Francalanza
11:31 Il-Maġistrat tgħid li ladarba mhux relatat, jiġi diskuss wara.
Sephora Francalanza
11:30 Dr Mercieca jgħid li għamel dokument ġudizzjarju bil-miktub, rikors f'ismu bħala avukat.
Sephora Francalanza
11:29 Is-seduta se tibda billi jinstema' r-rikors tal-akkużat fuq il-ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.
Sephora Francalanza
11:28 Tasal ukoll Dr Marion Camilleri.
Sephora Francalanza
11:28 Tikkummenta dwar in-nuqqas ta' siġġijiet.
Sephora Francalanza
11:23 Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
Sephora Francalanza
11:21 Is-seduta għadha ma bdietx. Kulħadd għadu qed jipprova jsib postu minħabba ċ-ċokon tal-awla tal-lum.
Sephora Francalanza
11:13 Jasal l-Avukat Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
11:09 Jidħlu fl-awla l-Ispetturi Arnaud u Zahra mill-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
11:07 Minħabba ċ-ċokon tal-awla, l-akkużat u l-avukat tiegħu qegħdin bilqiegħda eżatt ħdejn xulxin. L-uffiċjali tal-ħabs qegħdin bilqiegħda viċin, u qrib il-bieb.
Sephora Francalanza
11:06 Jidħol fl-awla Peter Caruana Galizia, l-armel ta' Daphne.
Sephora Francalanza
11:00 L-awla mimlija daqs bajda.
Sephora Francalanza
11:00 Daħlu għadd ta' persuni oħra, fosthom aktar membri tal-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:59 L-akkużat Yorgen Fenech għadu kemm daħal fl-awla flimkien mal-uffiċjali tal-ħabs. Qed jitkellem mal-avukat tiegħu.
Sephora Francalanza
10:53 L-awla diġà kważi mtliet kollha, hija ħafna iżgħar mill-awla tas-soltu, awla 22.
Sephora Francalanza
10:52 L-avukati tal-parte civile u Dr Charles Mercieca jinsabu fl-awla, kif ukoll xi membri tal-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:51 Bonġu! Ninsabu f'awla 17 nistennew li tibda s-seduta.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Is-seduta kienet mimlija battibekki legali bejn id-Difiża u l-Uffiċċju tal-AĠ mill-Prosekuzzjoni
  • Id-Difiża akkużat lill-Uffiċċju tal-AĠ li qed itellef lill-akkużat milli jippreżenta l-provi
  • Id-Deputat AĠ akkuża lid-Difiża li qed tagħmel xow għall-midja
  • Il-Maġistrat Montebello ddeċidiet favur l-AĠ, li għall-kuntrarju ta’ li qalet id-Difiża, ma tistax tiddeċiedi min se jtella’ x-xhieda tiegħu skont min preżenta r-rikors tiegħu l-ewwel
  • Id-Difiża talbet li l-każ ikun riferut lill-Qorti Kostituzzjonali għax qed jinkiser id-dritt ta’ Fenech għal smigħ xieraq.

Yorgen Fenech huwa rappreżentat mill-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Il-familja Caruana Galizia hija rappreżentata mill-avukati parte civile Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. L-Avukat Philip Galea Farrugia qed jidher f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tippresiedi l-każ.