Għaliex l-AĠ mhux iħalli lil Fenech jippreżenta l-provi? – Id-Difiża

Read in English.

Illum issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, iżda qajla sar progress, għaliex il-Prosekuzzjoni ma ressqitx ix-xhieda tagħha billi s-seduta kienet mimlija battibekki legali bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa jiċħad li hu ħati.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Is-seduta kienet mimlija battibekki legali bejn id-Difiża u l-Uffiċċju tal-AĠ mill-Prosekuzzjoni
  • Id-Difiża akkużat lill-Uffiċċju tal-AĠ li qed itellef lill-akkużat milli jippreżenta l-provi
  • Id-Deputat AĠ akkuża lid-Difiża li qed tagħmel xow għall-midja
  • Il-Maġistrat Montebello ddeċidiet favur l-AĠ, li għall-kuntrarju ta’ li qalet id-Difiża, ma tistax tiddeċiedi min se jtella’ x-xhieda tiegħu skont min preżenta r-rikors tiegħu l-ewwel
  • Id-Difiża talbet li l-każ ikun riferut lill-Qorti Kostituzzjonali għax qed jinkiser id-dritt ta’ Fenech għal smigħ xieraq.

Ilbieraħ id-Difiża ppreżentat rikors bit-talba li tressaq ix-xhieda tagħha fis-seduta li jmiss, madankollu, peress li l-atti tal-każ diġà kienu għand il-Maġistrat sedenti, ir-rikors jitqies li ddaħħal tard.

Dan ir-rikors ġie diskuss fit-tul fil-qorti llum.

Segwi mill-qorti minuta b’minuta

13:40 Grazzi talli segwejtuna u l-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
13:40 B'hekk ġejna fi tmiem din is-seduta. Il-każ ikompli jinstema' t-Tlieta fil-11am.
Sephora Francalanza
13:38 Il-Maġistrat tidher diżappuntata u tgħid li l-Qorti kellha llum u s-17 ta' Diċembru biex tisma' aktar xhieda. "We'll see," ittemm tgħid qabel toħroġ mill-awla.
Sephora Francalanza
13:37 Il-kawża diferita għat-Tlieta, 17 ta' Novembru fil-11am. M'għandhiex iddum aktar mis-2pm.
Sephora Francalanza
13:37 Il-Prosekuzzjoni tgħid li kien hemm xi xhieda llum, iżda l-Maġistrat tgħid li trid tiġi deċiża t-talba għall-Qorti Kostituzzjonali qabel ikompli l-każ.
Sephora Francalanza
13:32 Jirrepeti li x-xhieda mitluba għandha tiġi ppreservata.
Sephora Francalanza
13:32 Dr Galea Farrugia jiċċara li mhux l-AĠ jiddeċiedi fit-tali ġurnata min jitla' jixhed, imma dan f'idejn il-Pulizija.
Sephora Francalanza
13:31 Id-Difiża talbet li l-Avukat Ġenerali jikkunsidra li l-provi elenkati mill-imputat fir-rikors jiġu mressqin fil-qorti.
Sephora Francalanza
13:28 B'hekk il-Prosekuzzjoni qalet li m'għandha l-ebda oġġezzjoni għat-talba li jiġu ppreservati l-provi ġaladarba huwa fi dmirha li tressaq il-provi kollha.
Sephora Francalanza
13:26 Dr Mercieca jibda jgħid, "Fir-rinviju tal-AĠ, jien kont nagħmilha, ma nafx il-kollega jagħmilhiex…" imma jieqaf ħesrem u jgħid li mhux se jkompli sakemm Dr Jason Azzopardi jirregola ruħu.

Azzopardi kien bilqiegħda b'rasu f'idejh, jidher urtat.

Il-Maġistrat tgħid li ma semgħet u rat xejn, imma tinsisti li, "Ma jistax ikun li l-Qorti tissaporti dawn il-battibekki li qed isiru ta' spiss wisq."
Sephora Francalanza
13:24 Hu u jitkellem Galea Farrugia, Mercieca jinterrompi, u l-Maġistrat tgħolli leħinha u tgħidlu, b'ton ta' ċanfira, "Basic respect to the court."
Sephora Francalanza
13:23 Id-Deputat AĠ jgħid li l-Uffiċċju tal-AĠ jaqbel li l-evidenza tiġi ppreservata kollha.

Yorgen Fenech jibda jagħti b'rasu u jiftaħ idejh.
Sephora Francalanza
13:19 Dr Galea Farrugia mill-AĠ jgħid li t-talba tad-Difiża hi talba frivola. Dr Azzopardi jxengel rasu biex juri li jaqbel ma' li qed jgħid id-Deputat AĠ.
Sephora Francalanza
13:18 Jgħid li qed jirreferi għar-rikordings.
Sephora Francalanza
13:17 Dr Mercieca jgħid li waħda mir-raġunijiet tad-Difiża għar-rinviju tat-3 ta' Novembru kienet li l-evidenza ma tintilifx – qed jitolbu li tingħata ordni biex l-evidenza tiġi ppreżentata u ma tintmessx.
Sephora Francalanza
13:16 Is-sottomissjonijiet bil-miktub iridu jippreżentawhom sat-Tlieta, 17 ta' Novembru. Id-Difiża trid tagħmel dawn biex tispjega r-raġunament tagħha wara l-applikazzjoni għall-Qorti Kostituzzjonali.
Sephora Francalanza
13:15 Il-Maġistrat tagħti ċans lid-Difiża sal-Ġimgħa, 13 ta' Novembru, biex tippreżenta r-rikors tagħha. Iridu jiġu notifikati b'dan il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u Dr Jason Azzopardi f'isem il-parte civile.

Mercieca joġġezzjona li Dr Azzopardi jiġi infurmat, imma l-Maġistrat tgħidlu li hekk ordnat il-Qorti.
Sephora Francalanza
13:11 Jidħol l-Ispettur Kurt Zahra li jieħu post l-Ispettur Arnaud. Jgħidu kelmtejn bejniethom.
Sephora Francalanza
13:09 Il-Maġistrat tistaqsi lill-avukat huwiex jgħid li l-Qorti qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-klijent tiegħu. Hija ma tħallihx jiddetta r-rikors, filwaqt li Mercieca jinsisti li jagħmel l-argumenti tiegħu oralment.
Sephora Francalanza
13:08 B'hekk, id-deċiżjoni tal-Qorti tiffavorixxi dak li ried l-Avukat Ġenerali.
Sephora Francalanza
13:07 Dr Charles Mercieca qal li din id-deċiżjoni tilledi d-drittijiet tal-imputat għal smigħ xieraq.
Sephora Francalanza
13:05 L-Avukat tad-Difiża jitlob lill-Qorti l-permess li jirreferi l-kwistjoni għall-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzja Kostituzzjonali, u mbagħad il-proċeduri jiġu sospiżi sakemm l-Qorti Kostituzzjonali tieħu deċiżjoni fuq l-ilment tad-Difiża fuq smigħ xieraq.
Sephora Francalanza
13:04 Il-Maġistrat taqra d-digriet tagħha li fih tgħid li ma tistax tibbażah fuq il-ħin meta ġew preżentati l-atti, apparti l-fatt li dan mhuwiex indikat.

Il-Maġistrat Montebello ma taqbilx li għandha tara min preżenta r-rikors tiegħu l-ewwel biex tiddeċiedi min se jixhed l-ewwel.
Sephora Francalanza
12:55 Dr Azzopardi jidher jidħak b'rasu f'idejh.
Sephora Francalanza
12:54 Dr Mercieca jqum biex iżid xi kummenti, u mill-bank tal-Prosekuzzjoni jinstema' xi ħadd jgħid "Illallu!" minn taħt l-ilsien.

Mercieca ilu li qal li għamel l-aħħar kummenti tiegħu.

Il-Maġistrat tgħid, "Nispera li l-Qorti semgħet ħażin."
Sephora Francalanza
12:52 Tqum Dr Marion Camilleri tgħid li r-rinviju tal-AĠ kien għall-iskop tas-seduta tat-2 ta' Diċembru.

"Imkien ma għamel talba biex il-kawża tinstema' qabel; dan sar min-naħa tal-imputat."
Sephora Francalanza
12:52 L-avukat jgħid li d-Deputat AĠ baqa' ma qalx xħin ressaq ir-rinviju tiegħu.
Sephora Francalanza
12:51 Skont Mercieca, il-punt li jixtieq iqajjem Fenech hu li l-Qorti Kriminali ħadet kundizzjoni tar-rikors irrispettivament minn min hi l-imħallef, peress li din entità personali.
Sephora Francalanza
12:49 Id-Deputat AĠ jgħid li japprezza li Dr Mercieca qajjem dan il-punt.

Fis-12.40pm kien hemm id-digriet tal-astensjoni. Fis-1pm kien diġà assenjat fl-awla l-proċess: "Minkejja ħafna allegazzjonijiet ta' bad faith, jiġifieri, f'20 minuta, kelli nikteb rinviju, kellu jasal sal-one stop shop u jintbagħat l-awla tas-sinjorija tiegħi. Dan juri kemm is-sottomissjonijiet tiegħi jagħmlu sens."

Jgħid li d-digriet jgħodd f'dal-każ, mhux ir-rikors.
Sephora Francalanza
12:47 Dr Mercieca jgħid li rċivew digriet mingħand il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Scerri Herrera fit-3 ta' Novembru fis-12.40pm.
Sephora Francalanza
12:47 Daqshekk kollox mingħand ir-reġistratriċi.
Sephora Francalanza
12:45 L-avukat jistaqsi lix-xhud ta' min hi l-firma fuq id-dokumenti. Tgħid li ma tistax tgħid ta' min hi għax id-dokument mhux hi rreġistratu.

Ix-xhud tispjega li l-prassi qiegħda li min jiffirma għalih ikollu d-data u l-ħin xħin irċeviehom. Ma kinitx hi li rċevietu.
Sephora Francalanza
12:45 Ix-xhud terġa' titla' fuq il-pedana.
Sephora Francalanza
12:44 L-Avukat Mercieca jgħid li xtaq jagħmlilha mistoqsija.
Sephora Francalanza
12:43 Ix-xhieda tal-Assistent Reġistratriċi tal-Qorti tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:42 L-atti fil-Qorti Kriminali daħlu wkoll fit-3 ta' Novembru – kien hemm żewġ kaxxi. Tqassmu dakinhar stess fis-1pm.
Sephora Francalanza
12:41 Ix-xhud ittenni li ħinijiet m'hemmx.
Sephora Francalanza
12:41 L-Avukat Charles Mercieca jitbissem għal dan.
Sephora Francalanza
12:40 L-atti daħlu u ġew reġistrati fit-3 ta' Novembru, madankollu min ippreżentahom, aktarx bi żvista tgħid ix-xhud, niżżel id-data tat-2 ta' Novembru.
Sephora Francalanza
12:39 Mistoqsija fuq ir-rikors ippreżentat minn Fenech fit-3 ta' Novembru, ix-xhud tgħid li l-ħin ma jkollhomx meta ġie rreġistrat, lanqas meta tqassam.

Il-ħin li tqassam mhuwiex miktub.
Sephora Francalanza
12:38 Titla' tixhed Maria Dolores Fenech, l-Assistenta Reġistratriċi tal-Qorti.
Sephora Francalanza
12:38 Wara siegħa, il-Maġistrat Montebello lura fl-awla.
Sephora Francalanza
12:37 Il-familja tal-akkużat terġa' tidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
12:35 Peter u Matthew Caruana Galizia jħallu l-awla.
Sephora Francalanza
12:34 Il-Maġistrat għadha ma rritornatx fl-awla, u lanqas ir-Reġistratur tal-Qorti.
Sephora Francalanza
12:33 Yorgen Fenech jerġa' jiddaħħal fl-awla.
Sephora Francalanza
12:07 Għadna fl-awla nistennew lir-Reġistratur tal-Qorti jinstab sabiex jixhed.
Sephora Francalanza
11:39 Is-seduta ġiet sospiża sakemm jissejjaħ biex jixhed ir-Reġistratur tal-Qorti, kif talbet id-Difiża.
Sephora Francalanza
11:37 Yorgen Fenech jinħareġ mill-awla.
Sephora Francalanza
11:37 Is-seduta sospiża għal ftit.
Sephora Francalanza
11:34 L-avukat jitlob li jittellgħu jixhdu l-Avukat Ġenerali u r-Reġistraturi tal-Qrati biex ikun hemm kollox iswed fuq l-abjad.
Sephora Francalanza
11:32 Dr Mercieca jirrepeti li Fenech għandu jingħata smigħ xieraq.
Sephora Francalanza
11:32 "Dawn akkużi serjissimi. About time li jibda jqis il-kliem illi jgħid," iwiddeb Dr Galea Farrugia lil Dr Mercieca.

Jisħaq li Mercieca għandu jirtira l-akkuża li l-AĠ qed ibagħbas l-evidenza, inkella se jittieħdu passi kontrih.
Sephora Francalanza
11:30 Dr Galea Farrugia jgħid li l-AĠ ippreżenta r-rinviju tiegħu fit-3 ta' Novembru imma ġie rreġistrat fl-4 ta' Novembru. L-atti jaslu wara t-3pm. Għalhekk, jinsisti li l-Uffiċċju tal-AĠ ma kienx jaf bl-astensjoni tal-Imħallef Scerri Herrera qabel dan.
Sephora Francalanza
11:29 "Il-Qorti mhijiex springboard għall-midja," twiddeb il-Maġistrat Montebello.
Sephora Francalanza
11:28 Id-Deputat AĠ iqum bilwieqfa u jakkuża lid-Difiża li qed tagħmel xow għall-midja.

L-Avukat Mercieca jqum biex joġġezzjona u Fenech jiftaħ idejh b'oġġezzjoni.
Sephora Francalanza
11:28 Il-Maġistrat iċċanfar lil Dr Azzopardi u tgħid li l-parte civile ma tistax tipparteċipa fid-dibattitu llum għax dan huwa punt proċedurali li ma jikkonċernahiex.
Sephora Francalanza
11:27 L-Avukat Azzopardi jgħid li l-parte civile trid tagħmel verbal. L-Avukat Mercieca jgħid li l-parte civile m'għandhiex dritt.
Sephora Francalanza
11:27 Dr Azzopardi u l-Ispettur Arnaud qed jitħaddtu sakemm jitkellem Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
11:26 "Għalfejn wara sena l-AĠ għadu ma ppreżentax il-provi tiegħu? Għaliex qed iwaqqaf lill-imputat milli jippreżenta l-provi tiegħu? Dan kollu se nuruh lill-ġurati, se nuruhom x'inhu jagħmel l-AĠ."
Sephora Francalanza
11:24 Dr Mercieca jgħid li l-AĠ qed jimblokka lill-akkużat kull meta dan jagħmel xi talba.
Sephora Francalanza
11:24 "Jekk tiġi aċċettata t-talba tal-AĠ, se toħloq preċedent fl-istorja legali Maltija li l-imputat qatt ma jista' jippreżenta l-provi tiegħu."
Sephora Francalanza
11:24 "Nippreżentawhom dawn il-provi għax juru l-verità," insista Yorgen Fenech mal-avukat tiegħu, skont Dr Mercieca.
Sephora Francalanza
11:24 Jgħid li Fenech qed iċedi d-dritt tiegħu għal xahar libertà għal smigħ xieraq.
Sephora Francalanza
11:23 Il-fatt hu, skont l-avukat, li l-Imħallef astjeniet, u f'dak il-mument qasir t'astensjoni, l-AĠ għamel ir-rinviju tiegħu. "Qed ngħidu li l-AĠ qed jintarġa l-provi tal-imputat. It is very serious," jinsisti Mercieca.
Sephora Francalanza
11:19 Sal-mument li astjeniet l-Imħallef Scerri Herrera, ir-rinviju ġie għall-attenzjoni tal-Qorti Kriminali. Il-Qorti ddikjaratu l-għada. Kien wara li l-AĠ ressaq ir-rinviju tiegħu, jargumenta Mercieca.

L-avukat jargumenta li l-AĠ ma qalx xħin intavola r-rinviju tiegħu.
Sephora Francalanza
11:19 Sadattant l-armel ta' Daphne Caruana Galizia daħal fl-awla wkoll.
Sephora Francalanza
11:18 Minn bilqiegħda, in-naħa tal-Prosekuzzjoni toġġezzjona. Il-Maġistrat iċċanfarhom u tgħidilhom li dan mhux mod kif jindirizzaw lill-Qorti.

L-Avukat Mercieca jikkummenta, "Kollha jaqbżu, ma nafx x'għandhom x'jaħbu."
Sephora Francalanza
11:16 Rinviju, jew renvoi, huwa meta jintbagħtu l-proċeduri għand qorti oħra jew istituzzjoni.
Sephora Francalanza
11:15 Jgħid li fit-3 ta' Novembru fl-10.30am, l-imputat għamel rinviju. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera astjeniet. Skont Mercieca, l-AĠ kien pront u għamel rinviju tiegħu.

Mercieca jgħid li tajjeb li l-Qorti tinnota kemm ir-rinviju sar malajr.
Sephora Francalanza
11:12 Dr Mercieca jgħid li jixtieq jindirizza xi kwistjonijiet fir-risposta tal-AĠ għar-rikors tal-akkużat.
Sephora Francalanza
11:11 Id-Deputat AĠ jgħid li saret risposta formali għar-rikors dalgħodu.
Sephora Francalanza
11:11 Dr Mercieca jgħid li Dr Gianluca Caruana Curran mhuwiex preżenti għax jinsab kwarantina.
Sephora Francalanza
11:10 Il-Maġistrat tgħid li jrid jiġi deċiż ir-rikors li ressaq ilbieraħ Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:10 Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello biex tagħti bidu għas-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
11:08 Jidħol id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia, u jieħu postu ħdejn il-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
11:07 Arnaud qed jitkellem mal-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
11:06 L-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjonijiet, jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
11:02 Yorgen Fenech qed jgħid kelmtejn mal-Avukat Charles Mercieca.
Sephora Francalanza
11:02 Fl-awla hawn membri tal-familja Caruana Galizia, l-avukati u l-ġurnalisti. L-Ispettur Keith Arnaud għadu barra l-awla.
Sephora Francalanza
11:01 L-akkużat Yorgen Fenech għadu kemm daħal fl-awla u sellem lil martu.
Sephora Francalanza
11:01 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 22.
Sephora Francalanza

L-aħħar seduta saret f’Ottubru.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Ġew ippreżentati DVDs li fihom sitt stqarrijiet ta’ Melvin Theuma.
  • Dr Mercieca ssuġġerixxa li l-awdjo li mhux relevanti jitneħħa.
  • “Hemm konverżazzjonijiet li jindikaw li Fenech kien vittma ta’ frame up,” qal Dr Mercieca.
  • L-ebda espert mediku ma aċċetta li jagħmel l-evalwazzjoni medika ta’ Theuma.
  • Battibekki bejn l-uffiċċju tal-AĠ u Mercieca: “Dawn huma affarijiet bażiċi li missek tgħallimt fiż-żmien li għamlit taħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kollega.”
  • It-tim legali ta’ Fenech qal li Theuma nnegozja u xtara l-maħfra presidenzjali għas-somma ta’ €17,000. Id-Difiża kienet għamlet allegazzjonijiet simili qabel, madanakollu qalet li Edwin Brincat (il-Ġojja) kien xaħħam lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar bi €30,000.