Il-kaptan tal-jott ta’ Yorgen jiċħad li kien qed jaħrab f’Novembru

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Ix-xhud tal-lum kien il-Kaptan Logan Wood, li jieħu ħsieb il-jottijiet Gio u Gio 2 tal-familja Fenech. Huwa kien ma’ Fenech meta dan allegatament ipprova jaħrab minn Malta bil-jott fid-19 ta’ Novembru, meta ġie arrestat mill-Pulizija.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Il-Qorti ordnat investigazzjoni fuq min żvela xi rikordings ta’ Melvin Theuma fuq Reddit
  • Id-Difiża ta’ Yorgen Fenech allegat li hemm korruzzjoni fil-Prosekuzzjoni
  • L-Avukat Charles Mercieca mid-Difiża fetħilha kontra l-Avukat Ġenerali, li sa ftit xhur ilu kien jaħdem fl-uffiċċju tiegħu
  • L-Ispettur Keith Arnaud qal li m’għandux x’jaħbi u m’għandux problema li jinstemgħu rikordings fejn jissemma hu fil-miftuħ
  • Il-Qorti ordnat li jinħatar espert psikjatriku biex jeżamina s-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma, fuq talba tad-Difiża
  • Il-Kaptan tal-jott ta’ Fenech, Logan Wood, iddeskriva l-lejl meta l-Pulizija arrestat lil Fenech
  • Hu u Fenech raqdu fuq id-dgħajsa qabel ma bdew triqithom lejn Sqallija għall-manutenzjoni tal-jott; qabel telqu, kien hemm xi ġurnalisti jistennew u l-kaptan ħa ħsieb jinforma lil Fenech meta dawn telqu
  • Huwa kien sema’ fuq il-midja għajdut li Fenech assoċjat mal-assassinju
  • Uffiċjal tas-sigurtà ta’ Portomaso bagħat jinforma lill-kaptan li kien hemm xi uffiċjali tas-CID
  • Yorgen qal lill-Kaptan li m’għandhomx x’jaħbu
  • Il-kaptan ċaħad li Fenech kien qed jaħrab.
11:54 Grazzi talli segwejtu dan il-blogg. Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
11:52 Is-seduta li jmiss se ssir nhar it-Tlieta li ġej fl-10am.
Sephora Francalanza
11:51 Id-Difiża titlob li jittella' Johann Cremona għall-kontro-eżami. Il-Maġistrat tgħid li għandu jkun hemm it-traskrizzjonijiet lesti qabel ma jittella' Cremona. Arnaud jgħid li l-proċess tat-traskrizzjonijiet għadu għaddej.
Sephora Francalanza
11:50 Fis-seduta li jmiss għandu jixhed Dr Adrian Vella.
Sephora Francalanza
11:49 Ix-xhieda tal-Kaptan Logan Wood tintemm hawn. Il-Prosekuzzjoni tgħid li pruvat ittella' aktar xhieda llum iżda ma rnexxilhiex.
Sephora Francalanza
11:48 Dr Camilleri tistaqsih jafx jekk Fenech kienx se jiltaqa' ma' xi ħadd Sqallija, partikolarment f'La Spezia, pereżempju ma' ħuh. Ix-xhud jgħid li Fenech staqsieh dwar kemm hemm bogħod għal La Spezia. Il-familja Fenech ta' spiss tmur hemmhekk.
Sephora Francalanza
11:48 Ġimgħa qabel, Fenech kien imsiefer, jgħid il-Kaptan.
Sephora Francalanza
11:46 Il-kliem ta' Fenech lill-Kaptan kien "We have nothing to hide."
Sephora Francalanza
11:45 Wood jagħti deskrizzjoni tad-dgħajsa Gio.
Sephora Francalanza
11:44 Ikompli jgħid li mhumiex obbligati jinfurmaw lill-Valletta Port Control meta jkunu se jsiefru, iżda hu jagħmel dan ta' spiss.
Sephora Francalanza
11:44 Il-Kaptan jgħid li l-ġurnalisti telqu minn fuq il-post, jassumi, meta ma raw ebda attività.
Sephora Francalanza
11:43 Mistoqsi minn Dr Marion Camilleri, ix-xhud jirrepeti li normali li l-membri tal-familja jorqdu abbord meta jkunu se jitilqu bid-dgħajsa kmieni filgħodu.
Sephora Francalanza
11:42 Imiss il-kontro-eżami mid-Difiża.
Sephora Francalanza
11:42 Yorgen Fenech jidher jidħak waqt li l-Ispettur Keith Arnaud jitkellem mad-Deputat AĠ.
Sephora Francalanza
11:41 Il-Kaptan jgħid li mhux ħaġa normali li jkun hemm il-midja hemmhekk. Mal-ġurnalisti l-oħrajn ma tkellimx.
Sephora Francalanza
11:41 Il-Maġistrat toġġezzjona għad-domandi tal-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
11:40 Il-fotografu qallu li kellhom xi tip-off minn xi appartament.
Sephora Francalanza
11:39 Tkellem ma' fotografu minn kamra tal-aħbarijiet lokali ewlenija. Il-Kaptan staqsieh x'inhu jagħmel hemmhekk.
Sephora Francalanza
11:39 Jispjega li f'temp ta' 10 minuti, ġew xi tliet persuni oħra tal-midja maġenb id-dgħajsa.
Sephora Francalanza
11:38 Ix-xhud ikompli jgħid li Fenech qallu biex xħin ikun jaf tal-midja ma jkunux għadhom fil-marina, javżah.
Sephora Francalanza
11:38 Il-Kaptan jgħid li għall-kumdità, għax ġieli jitlaq minn Malta meta Fenech ikun għadu rieqed fuq id-dgħajsa.
Sephora Francalanza
11:36 Mistoqsi fejn joqgħod Yorgen, il-Kaptan jgħid li l-akkużat joqgħod fil-binja ta' Portomaso. Il-Prosekuzzjoni tistaqsi għaliex Fenech ma jorqodx fir-residenza tiegħu u mhux fuq id-dgħajsa f'dawn id-drabi.
Sephora Francalanza
11:36 Fid-disa' snin li għamlu dan il-vjaġġ flimkien, normali li Fenech jibqa' Sqallija għal xi jiem filwaqt li l-Kaptan jinżel lura Malta.
Sephora Francalanza
11:36 Il-pjan ta' Fenech ma jafx x'kien billi ma tkellmux fuq hekk.
Sephora Francalanza
11:35 Il-pjan tal-Kaptan kien li jasal għall-ħabta tas-7.30am. Il-vjaġġ idum bejn sagħtejn/sagħtejn u kwart. Il-Kaptan ippjana li jħalli d-dgħajsa hemm u jinżel lura bil-katamaran.
Sephora Francalanza
11:34 Jistqarr li xogħlu huwa li jieħu ħsieb lil Yorgen Fenech. B'hekk, lil Fenech infurmah b'tal-gazzetti u qallu li meta jitilqu, se jinfurmah. Hekk għamel fil-fatt, u qallu, "The coast is clear."
Sephora Francalanza
11:33 Jgħid li sema' b'ċertu għajdut fuq il-midja li Fenech kellu x'jaqsam mal-assassinju.
Sephora Francalanza
11:32 Il-Kaptan jgħid li dak il-lejl kellu ħsieb li jitfu l-AIS billi kien hemm tal-gazzetti ħdejn il-marina. Madwar l-10/11pm tal-gazzetti beda jkellmu, ma kienx jaf min hu, u qallu li hemm xi ħsieb li d-dgħajsa taħrab.
Sephora Francalanza
11:31 Kien hemm drabi meta din is-sistema tfewha għax ma ridux lil kulħadd ikun jaf f'liema bajja qegħdin eżatt, eċċ.
Sephora Francalanza
11:29 Isemmi sistema ta' tracking awtomatika (AIS) li tippermetti li wieħed jidħol online biex jiċċekkja fejn tkun id-dgħajsa.
Sephora Francalanza
11:27 Meta l-Kaptan infurmah bis-CID, Fenech qallu, "Don't worry about it. They're making a whole scene għat-taparsi ħa naħarbu." Qallu hekk b'messaġġ billi kienu fil-kabini individwali tagħhom.
Sephora Francalanza
11:27 Il-Kaptan jgħid li ma kellhom xejn ħażin, u Yorgen Fenech jidher jagħti b'rasu biex juri li jaqbel max-xhieda tal-Kaptan.
Sephora Francalanza
11:26 Wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-marina bagħat messaġġ lill-Kaptan biex ikellem lil Yorgen Fenech xi t-3am. Infurmah li hemm is-CID, qallu biex "joqogħdu attenti x'se jagħmlu."
Sephora Francalanza
11:25 Wood jgħid li hu kien diġà raqad meta wasal Fenech, xi s-1 ta' filgħodu, qabel bdew isalpaw lejn Sqallija.
Sephora Francalanza
11:25 Madwar kwarta wara, qalulu biex jibda dieħel lejn Portomaso.
Sephora Francalanza
11:24 Telgħu bejn 6-8 persuni fuq id-dgħajsa armati. Kien hemm ukoll l-AFM. Il-Kaptan beda jistaqsihom x'inhu jiġri waqt li bdew ifittxu. Ma wiġbuhx.
Sephora Francalanza
11:23 F'temp ta' 5-10 minuti beda jara s-sireni. Waqqaf id-dgħajsa mill-ewwel. Mar fuq wara u l-pulizija qalulu biex kull min kien abbord imur fuq quddiem tad-dgħajsa.
Sephora Francalanza
11:23 Il-Kaptan jgħid li hu u Fenech baqgħu jikkomunikaw. Raqdu abbord id-dgħajsa dak il-lejl biex jitilqu l-ewwel ħaġa filgħodu. Jgħid li din ħaġa normali li jagħmluha.
Sephora Francalanza
11:22 Ftit jiem qabel id-19 ta' Novembru, Fenech qallu, "Nagħmluha din il-ġimgħa?" Il-Kaptan jenfasizza li qablu fuq id-data flimkien.
Sephora Francalanza
11:22 Il-Kaptan jgħid li kellu xi pjanijiet għal Diċembru u wara li tkellem ma’ Fenech, qablu għad-19 ta’ Novembru.
Sephora Francalanza
11:22 Il-Prosekuzzjoni tistaqsi xi nbidel biex minn Diċembru l-pjan inbidel għad-19 ta’ Novembru.
Sephora Francalanza
11:22 Huwa staqsiehom bejn Diċembru u Frar, jgħid li qatt ma jagħtu data eżatta, skont id-disponibbiltà tagħhom. Fl-ittra ma tissemmiex id-19 ta’ Novembru.
Sephora Francalanza
11:16 Jippreżenta email mingħand tal-Yard fejn talab li jtella' d-dgħajsa l-art għal xi perjodu ta' żmien. Hemm ukoll it-tweġiba kkonfermata bid-dati inklużi. Datata fl-14 t’Ottubru, 2019.
Sephora Francalanza
11:15 Sqallija ħafna drabi tela' ma' membri tal-familja tat-Tumas Group bħal Yorgen Fenech, xi kuġini tagħhom, u ġieli anke ma' xi kaptani ħbieb tiegħu.
Sephora Francalanza
11:14 Ġieli jistaqsi lid-diretturi u lill-familja biex jakkumpanjawh.
Sephora Francalanza
11:14 Kienu hu u Fenech billi peress li d-dgħajsa żgħira ma jkollux bżonn crew miegħu. Raqad il-port billi pprepara d-dgħajsa għall-vjaġġ. Kien jaf minn xi xahar qabel b'dan il-vjaġġ.
Sephora Francalanza
11:11 Il-lejl ta' bejn id-19 u l-20 ta' Novembru: jgħid li telqu mill-marina ta' Portomaso lejn Sqallija kmieni filgħodu għall-manutenzjoni Pozzallo. Il-vjaġġ isir kull sena bejn Novembru u Jannar.
Sephora Francalanza
11:11 Jgħid li jieħu ħsieb iż-żewġ dgħajjes, Gio u Gio 2.
Sephora Francalanza
11:09 Il-Kaptan Logan Wood jgħid li ilu madwar 11-il sena f'din il-kariga mat-Tumas Group. Għadu impjegat mal-kumpanija.
Sephora Francalanza
11:09 Id-Difiża tesprimi sorpriża li Johann Cremona ma ntalabx jitla' jixhed mill-AĠ.
Sephora Francalanza
11:03 Se jittella' l-ewwel xhud għas-seduta tal-lum, il-kaptan tal-jott ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:00 Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti għadha trid tara f'liema stat se jixhed Theuma, billi l-eżami tiegħu kien ingħalaq, u kien imiss li jsirlu kontro-eżami.
Sephora Francalanza
10:58 Yorgen Fenech iqum minn postu u jpoġġi wara t-tim tad-Difiża, akkumpanjat minn uffiċjal tal-ħabs. Fenech qed jaqra xi karti li għaddewlu l-avukati tiegħu.
Sephora Francalanza
10:57 Dr Marion Camilleri mid-Difiża tgħid li aktar ma jgħaddi żmien, aktar jista' jkun ta' detriment, billi jrid jitqies f'liema kundizzjoni mentali Theuma diġà ta x-xhieda tiegħu.
Sephora Francalanza
10:57 Id-Deputat AĠ jgħid li għadu prematur li lil Theuma jsirlu eżami tas-saħħa medika meta għadu qed jirkupra fiżikament.
Sephora Francalanza
10:56 Dan wara li fil-21 ta' Lulju, Theuma weġġa' lilu nnifsu serjament. Dan kien lejlet il-kontro-eżami tiegħu fil-proċeduri kontra Fenech.
Sephora Francalanza
10:53 Id-Difiża tagħmel talba li jinħatar espert fil-psikjatrija sabiex jeżamina l-istat mentali ta' Melvin Theuma li se jkompli jixhed f'dawn il-proċeduri.
Sephora Francalanza
10:50 Waqt li jitkellem Arnaud, Dr Gianluca Caruana Curran jidher jitbissem lejn Yorgen Fenech li jidħaklu lura.
Sephora Francalanza
10:48 Arnaud jgħid li veru ssemma hu fir-rikordings, iżda pretenda li Dr Mercieca "isemmi kollox." Jikkjarifika li mhux għalhekk il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li r-rikordings jinstemgħu fil-miftuħ, għaliex hu m'għandux problema li fejn jissemma hu tissemma fil-pubbliku. Jgħid li jissemmew terzi persuni li setgħet issirilhom xi ħsara.
Sephora Francalanza
10:47 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li qed jipprova jintbagħat messaġġ hemm barra mid-Difiża li l-Prosekuzzjoni riedet taħbi xi rikordings partikolari, meta d-Difiża esperjenzat diġà fl-awla hija stess xi problemi tekniċi bir-rikordings.
Sephora Francalanza
10:46 Dr Mercieca jistaqsi lid-Deputat AĠ għaliex qed isemmi lil Simon Mercieca, u Galea Farrugia jgħid li peress li semmietu l-Qorti stess u Dr Mercieca semma lill-"messaġġier."
Sephora Francalanza
10:45 Id-Deputat Avukat Ġenerali Dr Philip Galea Farrugia jgħid li

1. Il-Qorti laqgħet kull talba tal-AĠ – il-Maġistrat tikkjarifika li l-Qorti għamlet verbal fuq fatt li hi konxju tiegħu hija stess

2. L-investigazzjonijiet li Dr Mercieca qal li mhumiex isiru qegħdin isiru

3. Jgħid li hu "żbalordit kif Dr Mercieca qisu l-avukat tas-Sur Simon Mercieca minflok tas-Sur Yorgen Fenech"
Sephora Francalanza
10:40 Yorgen Fenech jidher jagħmel mossa b'rasu biex juri li jaqbel ma' li qed jgħid l-avukat tiegħu meta jistaqsi ġiex investigat x'inhu jgħid Melvin Theuma fir-rikordings tiegħu stess, jew kemm tħallas l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tal-proklama, jew anke jekk issemmiex l-Ispettur Keith Arnaud fir-rikordings stess.
Sephora Francalanza
10:39 "Kif Melvin Theuma ġew f'idejh dokumenti uffiċjali ħafna qabel ma ġie arrestat? Ġie investigat dan? Saru rikorsi b'urġenza?" ikompli jistaqsi Dr Charles Mercieca.
Sephora Francalanza
10:39 Paul Caruana Galizia u l-Ispettur Keith Arnaud jidhru jxenglu rashom b'diżapprovazzjoni.
Sephora Francalanza
10:39 Mercieca jgħid li l-AĠ ma ressaqx rikorsi b'urġenza fuq Keith Schembri u l-mowbajl mitluf tiegħu, fuq il-proklama ta' Melvin Theuma. Jistaqsi x'għandhom x'jaħbu l-AĠ u l-Prosekutur.
Sephora Francalanza
10:36 L-avukat ikompli jgħid li l-AĠ qed jikkundanna lill-messaġġier li żvela dawn ir-rikordings minflok ma jiffoka fuq x'hemm fir-rikordings stess, fuq il-messaġġ. Jallega li hemm korruzzjoni fil-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
10:36 Dr Merieca jispekula jekk l-AĠ huwiex jibża' li l-Uffiċjal Prosekutur jissemma f'dawn ir-rikordings. L-Ispettur Arnaud jgħaddi kumment ta' oġġezzjoni.
Sephora Francalanza
10:32 L-Avukat Mercieca jgħid li jinsab perpless kif l-AĠ għall-ewwel darba fil-kariga tiegħu ħa l-inizjattiva li jordna investigazzjoni fuq l-allegat disprezz tal-Qorti "meta jeżistu u hemm disponibbli għalih provi ċari li jirrikjedu investigazzjoni ferm aktar imminenti li jesponu reati ferm aktar serji fuq dan il-każ u każi oħra."
Sephora Francalanza
10:29 Dr Mercieca jmur ħdejn il-klijent tiegħu Yorgen Fenech biex ikellmu.
Sephora Francalanza
10:25 Il-Qorti titlob li n-nota tad-Difiża tgħaddi għand l-AĠ u għand il-Prosekuzzjoni.
Sephora Francalanza
10:23 Id-Difiża titlob kjarifika dwar xi affarijiet li qajjem l-Avukat Ġenerali stess.
Sephora Francalanza
10:21 Il-parte civile ppreżentat rikors dalgħodu.
Sephora Francalanza
10:20 Newsbook.com.mt għażel li ma jippubblikax ir-rikordings li ttellgħu fuq Reddit. Aqra iktar hawn: newsbook.com.mt/en/why-newsbook-did-not-publish-the-theuma-recordings/
Sephora Francalanza
10:19 Jidher li lbieraħ, ċertu Simon Mercieca żvela xi rikordings online, u l-Qorti ordnat li jittieħdu xi passi kontrih.
Sephora Francalanza
10:19 L-Avukat Charles Mercieca jgħid li d-Difiża ilha titlob li l-leaks tar-rikordings jiġu investigati mill-bidu nett.
Sephora Francalanza
10:18 Il-Maġistrat tordna li l-Pulizija tinvestiga min żvela jew għadda dawn ir-rikordings lil terzi. Għandu jinvestiga wkoll liema mezzi tax-xandir ippubblikawhom billi għandhom jittieħdu passi xierqa kontrihom.
Sephora Francalanza
10:17 Dan l-aġir, skont il-Maġistrat, huwa ksur tal-liġi billi nkisret l-ordni tal-Qorti. Tgħid li "tistmerr u tiddeplora" il-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rikordings fuq xi siti tal-midja. Dan huwa "disprezz lejn l-awtorità."
Sephora Francalanza
10:15 Il-Qorti tirriafferma d-deċiżjoni tagħha f'Jannar li għadda li r-rikordings u t-traskrizzjonijiet tagħhom ma kellhomx jiġu żvelati.

Dawn kienu fost dawk ir-rikordings li nstemgħu fil-magħluq fis-seduta tat-22 ta' Lulju. Il-Maġistrat tikkundanna dan l-aġir.
Sephora Francalanza
10:14 Il-Maġistrat tirreferi għar-rikordings ta' Melvin Theuma li dehru fuq is-sit Reddit fl-aħħar jiem. Kopja ta' dan il-hard drive kienet ingħatat lill-espert tekniku Cardona u lill-parte civile. Issemmi kif dawn ma kellhomx jiġu ppubblikati jew jingħataw lil terzi persuni.
Sephora Francalanza
10:12 Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti rat in-nota tal-Avukat Ġenerali tal-10 t'Awwissu. Il-Qorti kienet diġà ordnat li t-traskrizzjonijiet jerġgħu jsiru. Il-ħsara teknika fil-hard drive jidher li ma kinitx ħsara wara kollox.
Sephora Francalanza
10:11 Għadha kemm daħlet fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
Sephora Francalanza
10:06 Hawn fl-awla wkoll xi membri tal-familja ta' Fenech.
Sephora Francalanza
10:05 Dr Mercieca jidher qed ikellem lill-klijent tiegħu.
Sephora Francalanza
10:05 Jidħlu fl-awla l-akkużat Yorgen Fenech u l-avukat tiegħu Dr Charles Mercieca.
Sephora Francalanza
10:04 L-akkużat Yorgen Fenech għadu ma wasalx.
Sephora Francalanza
10:03 Jidħol l-Ispettur Keith Arnaud mill-Prosekuzzjoni li wkoll jgħid kelmtejn mal-avukati tal-familja.
Sephora Francalanza
10:03 Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Paul, qed jitkellem mal-Avukati Azzopardi u Comodini Cachia fil-ġenb tal-awla.
Sephora Francalanza
10:02 Għadhom kemm daħlu fl-awla Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri mit-tim tad-Difiża ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:01 Preżenti fl-awla hawn l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li qegħdin jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia. Hawn ukoll xi membri tal-familja Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:01 Bonġu. Nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 22.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar xehed li min jgħid li xi ħadd irċieva flus bi skambju għall-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma “qed jibblaffja jew jigdeb.”
  • L-għada li ġie arrestat Theuma, Cutajar kellu laqgħa miegħu li damet sagħtejn.
  • Diżgwid fuq Rikording Numru 9: Id-Difiża qalet li ilu xhur għand il-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni qalet li għadha trid tinvestiga u għalhekk talbet li jinstema’ fil-magħluq.

Fl-aħħar seduta fit-22 ta’ Lulju kellu jixhed Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, iżda l-lejl ta’ qabel, huwa weġġa’ lilu nnifsu serjament u kellu jittieħed l-isptar għall-kura. Ftit tal-jiem ilu ntbagħat id-dar.

Yorgen Fenech huwa rappreżentat mill-Avukati Dr Gianluca Caruana Curran, Dr Marion Camilleri u Dr Charles Mercieca. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, assistiti mill-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia.