Djarju bit-traċċi tad-demm fil-kamra ta’ Lisa Maria Zahra

Illum kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-każ ta' Erin Tanti,  l-għalliem ta' 23 sena jinsab akkużat bil-qtil tat-tfajla Lisa Maria Zahra, li ttellgħet mejta mill-irdum ta' Ħad-Dingli fid-19 ta' Marzu li għadda.
Tanti qed jiġi akkużat b'sitt kapi ta' akkuża fosthom li qatel lil Lisa Maria u li poġġielha ħajjitha fil-periklu bil-konsegwenza li wasslet għal mewt tagħha. Kien akkużat ukoll li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt l-età u li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu ta’ għalliem.
Illum xehdet l-esperta tal-Qorti Juliana Scerri Ferrante li ppreżentat l-analiżi tagħha tad-dokumenti li Lisa u Erin taw lil xulxin. Fost dawn kien hemm djarju.
Ippreżentat il-filmat tal-ħidma ta' salvataġġ biex ittellgħu Lisa u Erin mill-irdum ta' Ħad-Dingli
Xehdu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Kurunell Claudio Scerri mill-Forzi Armati ta' Malta ppreżenta l-filmat tal-ħidma ta' salvataġġ li fiha tellgħu lil Lisa u lil Erin mill-irdum ta' Ħad-Dingli.
Ippreżentati ritratti tar-residenza tal-familja Zahra

Is-Surġent Emanuel Dalli ppreżenta ritratti li ħa fid-19 ta' Marzu fir-residenza tal-familja Zahra.
Fil-kamra ta' Lisa nstab djarju bi traċċi tad-demm u pregnancy test
Il-Kuntistabbli Patrick Farrugia qal li hu kellu jeżamina l-kamra ta' Lisa Maria, fejn fost l-oħrajn sab djarju b'uħud mill-paġni bi traċċi tad-demm. Sab ukoll pregnacy test fuq is-sodda ta' Lisa, u kaxxa li fost l-oħrajn kien hemm xi sigaretti. 
Ħamest ijiem wara, il-Kuntistabbli Farrugia reġa' mar fil-kamra ta' Lisa, fejn sab kontenitur tal-plastik li fih kien hemm ħwejjeġ ta' taħt u par kalzetti roża.
Is-smigħ diferit
Il-Maġistrat Audrey Demicoli ddefiriet is-smigħ tal-kumpilazzjoni għall-25 ta' Settembru li ġej fil-11.30am.