Talba biex tiġi rilaxxata l-karozza misruqa użata fil-qtil doppju f’Tas-Sliema tiġi miċħuda

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-kontront ta’ Viktor Dragomanski – wieħed mit-tlett irġiel suspettati li wettqu l-qtil doppju ġo residenza f’Tas-Sliema f’Awwissu – kompliet nhar it-Tlieta bix-xhieda ta’ numru ta’ esperti forensiċi u ta’ pulizija.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ħabbar ukoll li kien hemm rikors biex tiġi rilaxxata l-karozza li ntużat mill-aggressuri – VW Tiguan li sfat misruqa xi sentejn ilu. Però din it-talba ġiet miċħuda peress li l-proċess għadu fi stadju bikri.

Christian Pandolfino u Iwor Maciejowski sfaw maqtula f’darhom fit-18 ta’ Awwissu, u Dragomanski, raġel ta’ 36 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq kien it-tieni raġel akkużat bil-qtil, wara Daniel Muka, raġel ta’ 25 sena mill-Albanija.

It-tielet suspettat, id-Daniż Jesper Kristiansen, irnexxielu jaħrab minn Malta iżda spiċċa arrestat fi Spanja, fejn qed jaffaċċja proċedura ta’ estradizzjoni.

Filwaqt li kemm Muka kif ukoll Dragomanski ammettew ir-rwol tagħhom f’attentat ta’ serqa mid-dar taż-żewġ vittmi, it-tnejn li huma weħħlu f’xulxin fuq il-qtil taż-żewġt irġiel.

X’ħareġ mis-seduta tal-lum?

  • Il-ġisem ta’ Christian Pandolfino kellu 12-il ferita, fosthom balal f’qalbu, f’għonqu u fl-istonku. Balla oħra għaddiet mill-kranju
  • Igor Maciejowski ntlaqat minn balla waħda – kellu ferita tad-dħul u oħra tal-ħruġ
  • Il-ġrieħi juru li Pandolfino ntlaqat aktar mill-viċin minn Maciejowski
  • Sid il-karozza misruqa użata mill-aggressuri għamel rikors biex tiġi rilaxxata
  • Inventarju tad-dar tal-vittmi kien meqjus ‘prattikament impossibli’

Fl-aħħar seduta, li saret fil-25 ta’ Settembru, il-Maġistrat Mifsud kien iddeċieda li kien hemm biżżejjed evidenza biex Dragomanski jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Ħareġ ukoll li Dragomanski insista bil-qawwa li ma jitpoġġiex fl-istess ċella ma’ Muka: hedded li joqtlu jekk jiġri dan.

Il-prosekuzzjoni hi mmexxija mis-Supretendent James Grech u mill-Ispettur Colin Sheldon, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat qed jidher għal Dragomanski. L-avukati Joe Giglio u Roberta Bonello qed jidhru parte civile f’isem il-familji ta’ Maciejowski u Pandolfino.

10:32 Wara deliberazzjonijiet fuq jekk issirx seduta oħra dan ix-xahar qabel jintbagħtu l-files lill-Avukat Ġenerali, jiġi kkonfermat li se jkun hemm seduta fid-19 ta' Novembru fil-11 u kwart ta' filgħodu.

Għandu jkun hemm ukoll seduta oħra fit-22 ta' Diċembru, fid-9am.
John Paul Cordina
10:26 Il-Maġistrat Joe Mifsud iħabbar li kien hemm rikors minn individwu partikolari biex tiġi rilaxxata l-VW Tiguan, li kienet insterqet sentejn ilu.

Iżid li għalissa, l-applikazzjoni ġiet miċhuda peress li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri.
John Paul Cordina
10:25 Mhux se jkun hemm aktar xhieda llum, u l-Qorti qed tiddiskuti meta se jsiru s-seduti li jmiss.
John Paul Cordina
10:23 Is-Supretendent Grech jippreżenta envelopp b'€950 li kienu fil-pussess ta' Dragomanski.
John Paul Cordina
10:20 Mamo issa jitkellem dwar l-arrest ta' Dragomanski.

Jispjega kif fis-27 ta' Awwissu, hu u kollegi tiegħu għamlu tfittxija fir-residenza ta' Dragomanski, fejn instabu l-ħwejjeġ li deher li kien qed jilbes fil-kafetterija tal-Imsida.
John Paul Cordina
10:18 Wara li nstabet it-Tiguan, il-pulizija komplew jinvestigaw il-filmati tas-CCTV u it-tlett irġiel suspettati.

Mamo Jispjega kif wieħed minnhom kien daħal f'kafetterija l-Imsida, staqsa għall-password tal-WiFi u telaq lejn tas-Sliema b'taxi.

It-taxi ġie rriservat b'telefonata li saret mill-mobile ta' Kristiansen.
John Paul Cordina
10:16 Mamo jispjega kif fit-21 ta' Awwissu, ġie mistoqsi mis-Supretendent Grech u minn surġent biex jgħin fl-investigazzjoni tal-qtil doppju.

Mill-informazzjoni li kienet waslet lill-pulizija, kien jidher li l-aggressuri ħarbu b'VW Tiguan li kellha pjanċi misruqa.

Mamo issa jispjega kif il-pulizija investigaw il-footage tas-CCTV u kif sabu l-karozza li użaw l-aggressuri.
John Paul Cordina
10:15 Magri jtemm ix-xhieda tiegħu, u warajh jitla jixhed kuntistabbli ieħor, Sandro Mamo.
John Paul Cordina
10:13 Magri jispjega kif kien night shift mal-kollega tiegħu Edward Zammit meta seħħ il-qtil, u li kien madwar in-00.30am meta ġew mistoqsija jmorru fir-residenza.

Kienu ż-żewġ pulizija li elevaw il-katavri biex jittieħdu fil-kamra mortwarja.
John Paul Cordina
10:11 Issa jmiss ix-xhieda tal-kuntistabbli Oliver Magri.
John Paul Cordina
10:10 Jitla' jixhed Vincent Ciliberti, li kien ħa ritratti ta' kull kamra tar-residenza taż-żewġ vittmi.

Jikkonferma li l-proċeduri kienu ġew irrekordjati, u li hemm CD li jikkonferma kif ġiet iddokumentata d-dar.

Jgħid ukoll li jkun prattikament impossibli tagħmel inventarju tad-dar.
John Paul Cordina
10:08 L-avukata Katia Vassallo tippreżenta traskrizzjoni tax-xhieda ta' tlett individju li xehdu bil-Malti.

Vassallo tiġi mistoqsija tagħmel traskrizzjoni ta' xhieda oħra.
John Paul Cordina
10:07 L-avukata Marisa Mifsud tippreżenta traskrizzjoni tal-istqarrijiet li kien għamel Dragomanski.
John Paul Cordina
10:05 Jiġi kkonfermat li s-seduta li jmiss se ssir fid-19 ta' Novembru, mill-11.15am 'il quddiem.
John Paul Cordina
10:03 Brincat jistaqsi jekk intużawx żewġ armi jew waħda biss, iżda Scerri jfakkar li hu espert fuq il-feriti kkawżati mill-isparar.
John Paul Cordina
10:00 Scerri jispjega li jidher li l-aggressuri daħlu fid-dar u sparaw lejn Pandolfino. It-tiri temmew ħajjet il-vittma f'ħin qasir. Ftit wara ntlaqat b'tir u nqatel Maciejowski.

Giglio jikkumenta li jista jkun spekulazzjoni, u li Pandolfino jaf kien qed jisforza jieħu l-aħħar nifs.

Però Scerri jżid li tir li jolqot il-moħħ jikkawża l-mewt f'ħin qasir ħafna.
John Paul Cordina
09:59 Ir-rapport ta' Scerri jiġi ppreżentat bħala evidenza.
John Paul Cordina
09:56 L-avukat Giglio jerġa jistaqsi fuq id-distanza bejn il-vittma u l-aggressur. Jgħid lil Scerri jikkonferma jekk kienx fir-remit tiegħu jiddetermina dan.

Scerri jżid li t-tiri ġew sparati mill-viċin, iżda mhux b'kuntatt dirett: tir ta' dan it-tip kien jikkawża "splużjoni."

Fil-każ ta' Maciejowski, id-distanza kienet itwal, kif tixhed il-ferita tiegħu.
John Paul Cordina
09:55 Kif ikkonfermat Buhagiar aktar kmieni, Scerri jispjega li Pandolfino ntlaqat minn ħames tiri, b'żewġ feriti ta' ħruġ.

Iżid li l-vittma jidher li dar u li s-sitt tir għadda bi sbrixx miegħu.
John Paul Cordina
09:52 Scerri jispjega kif Pandolfino ntlaqat f'xufftejh, fuq in-naħa tal-lemin ta' għonqu, kif ukoll b'tir dirett f'qalbu.
John Paul Cordina
09:50 Scerri jispjega kif kien hemm numru ta' grif fuq il-bieb tar-residenza tal-vittmi.

Il-katavru ta' Pandolfino kien mal-ġenb u kien hemm għadira demm mal-art. Kien hemm ukoll numru ta' balal fuq il-lemin tiegħu; balal oħrajn instabu fit-taraġ.
John Paul Cordina
09:49 Jitla' biex jixhed l-espert forensiku Mario Scerri.
John Paul Cordina
09:48 Giglio jistaqsi jekk l-esperti jistgħux jikkonfermaw id-distanza bejn il-vittma u min spara.

Dr Safraz jispjega li kien hemm distanza effettiva (effective range), iżda ma kien hemm l-ebda kuntatt dirett.
John Paul Cordina
09:47 Buhagiar issa tispjega kif Maciejowski ntlaqat f'wiċċu.
John Paul Cordina
09:45 It-tabiba żżid li kien hemm ukoll xi tbenġil li hu relatat mat-tiri, li kienu kollha identifikati fir-rapport.

B'kollox, ġew identifikati u deskritti 12-il ferita fuq ġisem Pandolfino.
John Paul Cordina
09:44 L-avukat Giglio jistaqsi fuq ir-rapport ta' Pandolfino, u jsaqsi lil Buhagiar tikkonferma jekk kellux ħames feriti ta' dħul u tnejn ta' ħruġ.

Wara li tifli r-rapport malajr, Buhagiar tikkonferma li dan huwa minnu.
John Paul Cordina
09:43 Buhagiar tispjega li fil-każ ta' Maciejowski, kien hemm ferita tad-dħul u oħra tal-ħruġ, indikazzjoni li ntlaqat minn balla waħda.
John Paul Cordina
09:41 Dr Buhagiar tispjega li waslilhom l-ewwel il-katavru ta' Christian Pandolfino.

Il-ġisem kellu numru ta' ġrieħi, u nstabu balal f'qalbu u fl-istonku tiegħu, filwaqt li oħra għaddiet mill-kranju.

Pandolfino ġie ċċertifikat mejjet b'riżultat tal-feriti minn sparar.
John Paul Cordina
09:40 Jitilgħu biex jixhdu il-patoloġisti Ali Safraz u Tiffany Buhagiar, u ftit mumenti wara jidħol Brincat fl-awla.
John Paul Cordina
09:39 Wara li Brincat jiġi mgħajjat tlett darbiet, mingħajr risposta, il-qorti tiddeċiedi li tkompli x-xhieda. Però, fin-nuqqas tal-avukat tad-difiża, il-kontro-eżami għandu jsir f'jum ieħor.
John Paul Cordina
09:38 Qegħdin nistennew li jasal l-avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat.
John Paul Cordina
09:35 Jidħol fl-awla l-avukat tal-parte civile Joe Giglio, u l-akkużat Viktor Dragomanski jidħol ftit warajh.
John Paul Cordina
09:34 Qegħdin live mill-awla 25.

Il-Maġistrat Joe Mifsud u l-prosekuzzjoni: is-Supretendent James Grech u l-ispettur Colin Sheldon qegħdin fl-awla.
John Paul Cordina