Oħt l-għarus ta’ Charlene rrappurtatha nieqsa ftit sigħat biss wara li ratha

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fuq il-qtil ta’ Charlene Farrugia bix-xhieda ta’ Abigail Tanti, oħt l-għarus ta’ Charlene Farrugia. Hija kienet dik li rrappurtatha nieqsa f’Novembru tal-2008 meta Charlene kellha 25 sena.

Ġie kkonfermat il-qtil tagħha f’Lulju tal-2019 wara l-arrest ta’ John Paul Charles Woods fuq hold-up fil-Gżira. Woods kien wassal lill-pulizija f’post taħt is-swar tal-Belt Valletta fejn instabu l-fdalijiet taż-żagħżugħa.

Xi spikka fix-xhieda tal-lum?

  • Xehdu 2 uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-investigazzjonijiet; wieħed minnhom irrakkonta kif Woods ħadhom fix-xelter fejn kien hemm il-fdalijiet ta’ Charlene – hemm ra uffiċjal ħiereġ b’2 xkejjer: waħda bir-ras u l-oħra bl-għadam tal-vittma
  • Xehdet ukoll oħt l-għarus ta’ Charlene Farrugia, Abigail Tanti, li ltaqgħet magħha dakinhar li għebet filgħodu
  • Kienet miftiehma magħha li tgħaddi għaliha dakinhar stess waranofsinhar; marru għaliha hi u l-għarus tagħha Jesmond Cassar it-Tito u sabu lil ulied ħuha (Jonathan Attard), li kienet tieħu ħsiebhom Charlene, barra għax Charlene ma kinitx id-dar
  • Għamlet kuntatt ma’ familtha u mbagħad ippruvat tagħmel rapport l-għassa
  • L-avukata ta’ Woods staqsiet lix-xhud kif irrappurtatha nieqsa meta kienet ilha biss ftit sigħat li ratha.

Segwi mill-qorti minuta b’minuta

15:50 Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
15:49 Grazzi talli segwejtuna.
Sephora Francalanza
15:48 Is-seduta li jmiss se ssir fil-21 ta' Diċembru fl-10.30am. Is-seduta għandha ddum siegħa.
Sephora Francalanza
15:45 Jonqos jixhed ukoll Jonathan Attard, li kien l-għarus ta' Charlene, u anke xi uffiċjali tal-pulizija.
Sephora Francalanza
15:45 Fis-seduta li jmiss għandhom jiġu ppreżentati t-traskrizzjonijiet tal-istqarrijiet li ta l-akkużat.
Sephora Francalanza
15:45 Tintemm ix-xhieda ta' Abigail Tanti. Illum m'hemmx aktar xhieda.
Sephora Francalanza
15:44 Woods isejjaħ lill-avukata tiegħu biex ikellimha.
Sephora Francalanza
15:44 L-ewwel ħaġa li għamlu malli ma sabuhiex id-dar kienet li kkuntattjaw lill-ġenituri tagħha, u mbagħad ċemplu l-għassa. L-għassa qalulhom jagħmlu rapport.
Sephora Francalanza
15:43 Il-Prosekutur jikkjarifika li x-xhud kellha 24 sena dak iż-żmien, ħuha kien il-ħabs, u hi kienet qed tieħu ħsieb it-tfal tagħha u t-tfal ta' ħuha ladarba għebet Charlene.
Sephora Francalanza
15:42 Abigail Tanti tgħid li għamlu rapport mal-pulizija fuq l-affarijiet neqsin mill-appartament.
Sephora Francalanza
15:41 Mistoqsija dwar l-affarijiet ta' Charlene fil-flett, jekk dawn għaddewhomx lill-ġenituri tagħha, ix-xhud tgħid li darba sabu xi affarijiet neqsin – "televixins u hekk" – u kienu għamlu rapport dwar dan. Il-bqija tal-affarijiet tagħha għaddewhom lill-familja ta' Charlene.
Sephora Francalanza
15:41 Tistqarr li ma tiftakarx għaliex ħassew li kellhom jagħmlu r-rapport fi żmien tliet sigħat.
Sephora Francalanza
15:41 "Ma niftakarx li għidt dal-kliem," tgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
15:40 Abigail Tanti hi murija r-rapport tal-pulizija li jgħid dan, li hi kkuntattjathom biex jgħidulha jekk ikollhom xi aġġornament.
Sephora Francalanza
15:39 L-avukata tistaqsi lix-xhud għaliex ftit wara li sar ir-rapport, ix-xhud ċemplet lill-pulizija biex tgħidilhom biex jekk ikollhom xi informazzjoni, jgħidu lilha u hi tinforma lill-familja ta' Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
15:38 Ix-xhud tgħid li l-pulizija qalulhom li għandhom jagħmlu rapport.
Sephora Francalanza
15:38 L-avukata tistaqsi lix-xhud għaliex irrappurtawha nieqsa peress li kienu ilhom biss ftit sigħat li rawha, "għaliex bdejtu tinkwetaw?"
Sephora Francalanza
15:37 Tgħid li l-karozza tagħha fittxewha imma ma rawhiex.
Sephora Francalanza
15:37 L-avukata tistaqsi lix-xhud jekk Jesmond Cassar kienx magħha ġurnata sħiħa dakinhar. Tgħid li ma tiftakarx eżattament.
Sephora Francalanza
15:36 Dakinhar li għebet Charlene, filgħodu kienu ltaqgħu ż-żewġ nisa.
Sephora Francalanza
15:36 Jibda l-kontro-eżami tax-xhud.
Sephora Francalanza
15:36 Dak iż-żmien, ħuha kien ilu l-ħabs xi ftit ġimgħat.
Sephora Francalanza
15:35 Ix-xhud tgħid li kienet għamlet kuntatt ma' ħuha fil-ħabs biex tinfurmah bl-għajbien ta' Charlene.
Sephora Francalanza
15:35 Lil Charlene kienet bagħtitilha l-messaġġi biex tara hux kollox sew.
Sephora Francalanza
15:35 Marret ukoll meta battlu dan il-flett.
Sephora Francalanza
15:34 Tgħid li dak iż-żmien kienet tidħol fil-post peress li bdiet tieħu ħsieb it-tfal hi, u kien ikollha tmur għall-affarijiet tagħhom.
Sephora Francalanza
15:34 Wara li sar ir-rapport, ix-xhud kienet żammet kuntatt mal-familja ta' Charlene Farrugia, imma ma tafx eżatt x'qaltilhom.
Sephora Francalanza
15:33 Abigail Tanti marret l-għassa tal-Qawra biex tagħmel rapport, imma l-familja kellha tagħmel rapport. Ikkuntattjathom biex imorru jirrappurtawha nieqsa.
Sephora Francalanza
15:33 Ġabet in-numru tal-ġenituri tagħha u ċemplitilhom biex tara kinitx għandhom. Huma qalulha li le.
Sephora Francalanza
15:32 Abigail Tanti telgħet tiċċekkja għax kellha ċ-ċavetta, u Charlene ma kinitx hemm.
Sephora Francalanza
15:32 Huma qalulha li Charlene ma kinitx id-dar.
Sephora Francalanza
15:32 Sadattant, sabet lit-tfal barra wara l-iskola. Iż-żewġt itfal subien kienu ta' Jonathan Attard, Charlene kienet qed tieħu ħsiebhom peress li hu kien il-ħabs.
Sephora Francalanza
15:31 Għaddew għaliha. Daqqew il-qanpiena u ma niżlitx.
Sephora Francalanza
15:30 Ix-xhud tgħid li hi u Charlene kienu ftehmu li hi u Jesmond Cassar kienu se jgħaddu għaliha d-dar tagħha f'San Pawl il-Baħar biex tmur għandhom.

Dak iż-żmien Jonathan Attard, ħu x-xhud u l-għarus ta' Charlene, kien il-ħabs.
Sephora Francalanza
15:30 Dak iż-żmien ix-xhud kellha relazzjoni ma' Jesmond Cassar.
Sephora Francalanza
15:29 Tgħid li Farrugia kienet toħroġ ma' ħuha, Jonathan Attard. Ma tafx kemm damet ir-relazzjoni tagħhom – kienu jgħixu flimkien.

Dan kien madwar 12/13-il sena ilu.
Sephora Francalanza
15:28 Ix-xhud hi mistoqsija meta u kif saret taf lil Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
15:28 Il-Maġistrat tgħid lix-xhud li għandha d-dritt ma twiġibx jekk taħseb li dak li se tgħid se jinkriminaha.
Sephora Francalanza
15:27 Il-Prosekutur jgħid li ma tistax tixhed b'kawtela għax ma jistax jgħid għada pitgħada x'jinqala'.
Sephora Francalanza
15:27 Il-Prosekutur jgħid li mhux se jittieħdu passi fil-konfront tagħha f'dan il-każ.
Sephora Francalanza
15:27 L-avukat tax-xhud jgħid lill-Maġistrat li billi hija ġiet interrogata erba' darbiet, jew se tixhed b'kawtela, inkella l-Pulizija trid tgħid hux se jittieħdu passi fil-konfront tagħha.
Sephora Francalanza
15:26 Ix-xhud li jmiss hija Abigail Tanti.
Sephora Francalanza
15:25 L-avukata ta' Woods tistaqsi lill-pulizija jekk staqsewhx x'qallu t-Tito. Woods kien ġie mistoqsi mill-ispetturi waqt l-interrogatorju, iżda hu ma kienx preżenti.
Sephora Francalanza
15:25 Talbu lid-Direttur tal-ħabs biex jiċċekkjaw is-single room minn ġewwa u sabu li minn ġewwa ma tistax tara barra.
Sephora Francalanza
15:24 Woods qalilhom li waqt li kien mimdud fuq is-sodda filgħodu, ġiet persuna ssejjaħlu b'ismu mit-tieqa ta' wara ċ-ċella.

Il-pulizija talbu l-filmati tal-ħabs u ntebħu li kien Jesmond Cassar it-Tito li dam xi żewġ minuti quddiem it-tieqa.
Sephora Francalanza
15:23 Fit-22 ta' Lulju Woods kien issentenzjat fuq każ ieħor. Kien il-ħabs ġo single room.
Sephora Francalanza
15:21 F'Lulju tal-2019 Woods ried li jieħu lill-pulizija fil-flett.
Sephora Francalanza
15:20 Il-pulizija staqsewha min kien joqgħod fil-flett fl-10 snin ta' qabel.

F'Novembru u Diċembru tal-2008 kien joqgħod Woods fil-flett, imbagħad daħal il-ħabs, u kienet toqgħod hi biss fih. Fl-2011 reġa' beda joqgħod fih Woods. Wara kien joqgħod raġel ieħor li kellu relazzjoni magħha. Il-flett għamel xi żmien vojt ukoll.
Sephora Francalanza
15:19 Għamlu l-arranġamenti ma' sid il-flett fi Triq Efesu f'San Pawl il-Baħar, l-għarusa ta' Woods, biex jispezzjonawh. Charlene nqatlet f'dan il-flett.
Sephora Francalanza
15:18 Brincat kien baqa' jsostni mal-pulizija li l-mowbajl tal-vittma qatt ma ġie f'idejh.
Sephora Francalanza
15:18 Reġgħu marru l-uffiċċju u bagħtu għal ċertu Kevin Brincat iċ-Ċiniż, peress li Woods qal li l-vettura ta' Charlene taha lilu.
Sephora Francalanza
15:17 Wieħed mill-uffiċjali kien ħareġ 2 xkejjer bil-fdalijiet ta' bniedem: ras u xi għadam. Kienu ħadhom il-kamra mortwarja.
Sephora Francalanza
15:17 Daħlu minn ġo mina u kien hemm xelter fejn l-akkużat indikalhom li hemm il-fdalijiet.
Sephora Francalanza
15:16 Woods indikalhom fejn kien il-post, taħt il-lukanda Phoenicia fil-Furjana.
Sephora Francalanza
15:16 Wara li tkellem mal-Ispettur Ransley u s-Supretendent Grech, Woods qalilhom li jrid jurihom fejn ħeba l-fdalijiet tal-vittma Charlene Farrugia li kienet għebet fl-2008.
Sephora Francalanza
15:15 Woods kien irrinunzja d-dritt li jkollu avukat, xtaq jitkellem mingħajr avukat preżenti.
Sephora Francalanza
15:15 L-uffiċjal Portelli jkompli jirrakkonta kif kien kompla l-proċess sakemm ġie arrestat Woods.
Sephora Francalanza
15:14 Ix-xhud jgħid li fid-19 ta' Lulju, 2019 is-Supretendent Grech ġie infurmat li John Paul Charles Woods xtaq jitkellem fuq omiċidju li wettaq snin qabel.
Sephora Francalanza
15:13 Huwa muri dokument mill-Prosekuzzjoni li hu r-rinunzja tal-avukat ta' John Paul Woods, datat fl-20 ta' Lulju, 2019.
Sephora Francalanza
15:13 Jixhed issa l-uffiċjal Anthony Portelli, stazzjonat id-Depot.
Sephora Francalanza
15:11 Ix-xhud jgħid li jagħraf lill-akkużat u jikkonferma li d-dokument muri hu rapport iffirmat minnu u mis-Supretendent James Grech.
Sephora Francalanza
15:11 Il-Prosekuzzjoni tippreżenta dokument lix-xhud.
Sephora Francalanza
15:08 L-ewwel xhud huwa l-uffiċjal tal-pulizija Karl Pace.
Sephora Francalanza
15:07 L-akkużat għadu kemm daħal fl-awla flimkien mal-uffiċjali tal-ħabs. L-avukata tiegħu staqsietu kif inhu.
Sephora Francalanza
15:05 Il-Maġistrat Marseann Farrugia tinsab fl-awla.
Sephora Francalanza
15:05 L-avukati u l-ġurnalisti daħlu f'awla 3.
Sephora Francalanza
14:59 Is-seduta kellha tibda fis-2.30pm.
Sephora Francalanza
14:56 Il-waranofsinhar it-tajjeb. Ninsabu barra awla 3 fil-qorti nistennew li tibda s-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta l-Maġistrat Marseann Farrugia ordnat li l-fdalijiet ta’ Charlene Farrugia jiġu rilaxxati għad-difna.

Dr Roberta Felice Bonello qed tidher għall-akkużat John Woods, filwaqt li Dr Mario Mifsud qed jirrappreżenta lill-familja Farrugia.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Jonathan Ransley.