Jixhdu ħaddiema li għenu lill-Protezzjoni Ċivili biex isibu lil Miriam Pace

Read in English.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ erba’ persuni dwar il-binja li ġġarrfet u ħalliet lil Miriam Pace mejta fil-Ħamrun.

Miriam Pace kellha 54 sena. Hija tilfet ħajjitha ġo darha fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun fit-2 ta’ Marzu.

Fis-seduta qasira tal-lum, xehdu xi ħaddiema minn kumpanija tal-krejnijiet li ntalbu jmorru fuq il-post biex jassistu lill-Protezzjoni Ċivili fil-ħidma tagħhom biex isibu lil Miriam Pace. It-tiftix dam għaddej sa billejl.

Fil-qorti…

09:19 Grazzi talli segwejtuna. Il-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
09:19 Il-kawża se tkompli fil-21 t'Ottubru fil-11.30am għar-rinviju.
Sephora Francalanza
09:18 Il-Prosekuzzjoni m'għandhiex aktar provi.
Sephora Francalanza
09:18 Il-Qorti teżenta lil Farrugia milli jixhed billi ma kellu ebda rwol speċifiku mill-kollegi tiegħu.
Sephora Francalanza
09:17 Mistoqsi Mark Farrugia akkumpanjahx u għamilx l-istess xogħol bħalu, jgħid li iva.
Sephora Francalanza
09:15 Ix-xhud jaħdem mal-istess kumpanija. Huwa niżel bil-vann bl-għodda fis-sit u segwa l-istruzzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili.
Sephora Francalanza
09:15 Ix-xhud li jmiss huwa Raymond Borg.
Sephora Francalanza
09:14 Jgħid x'tip ta' krejn kien u jgħid li hu stess ħarġu minn fuq il-post.
Sephora Francalanza
09:13 Ingħata struzzjonijiet mill-Protezzjoni Ċivili biex ineħħi t-terrapien.
Sephora Francalanza
09:13 Issa jmiss Clayton Agius, li saq il-krejn.
Sephora Francalanza
09:12 Jgħid li l-kumpanija tiegħu ntalbet tipprovdi krejn mill-Protezzjoni Ċivili.
Sephora Francalanza
09:12 Jissejjaħ l-ewwel xhud tal-jum, Michael Gauci, sid il-kumpanija tal-krejnijiet li ntalbet tipprovdi krejn dakinhar tal-każ.
Sephora Francalanza
09:09 Jissejjaħ l-ewwel xhud tal-jum, Michael Gauci, li huwa sid kumpanija tal-krejnijiet.
Sephora Francalanza
09:08 Qed nistennew lil uħud mill-avukati difensuri jaslu biex nibdew.
Sephora Francalanza
09:06 L-armel u iben Miriam Pace għadhom kemm daħlu fl-awla wkoll.
Sephora Francalanza
09:05 Il-Maġistrat Joe Mifsud għadu kemm daħal fl-awla u radd is-salib biex tibda s-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
09:04 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 24.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Ħin minnhom tas-CPD sabu fejn kien il-mowbajl ta’ Miriam Pace taħt it-terrapien
  • Uffiċjal tas-CPD ippreżenta statwa żgħira tal-Madonna tal-Karmnu li tawh waqt il-ħidma ta’ salvataġġ. Il-Maġistrat ordna li l-istatwa tingħata lill-armel ta’ Miriam
  • Għall-ħabta tal-10pm qalb it-terrapien, esperti mediċi osservaw traċċi tad-demm, li kienu ta’ Miriam Pace

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba.

Il-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-periti, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej. L-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur.

Il-familja Pace hija rappreżentata fil-qorti mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lill-ġirien.