Tkompli l-kontroversja kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis

Kompliet il-kontroversja dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis.
Diversi entitajiet komplew jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar jekk il-kannabis għandhiex tkun legalizzata f’Malta.
Hekk kif il-Caritas, l-għaqda li taħdem u tiltaqa’ wiċċ imbwiċċ ma’ vittmi tad-droga hi kontra l-legalizzazzjoni ta’ din is-sustanza, ilbieraħ fuq il-midja soċjali s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli kitbet dwar kif il-Gvern qed ifittex mod kif persuna tkun tista’ tagħmel użu personali mill-kannabis mingħajr ma jkollha kuntatt ma’ traffikanti tad-droga.
Sadanittant illum l-għaqda tal-attivisti favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis, reLeaf, ippublikat il-manifest tagħha li jiffoka fuq sitt punti prinċipali. Għal din l-attività kien hemm membri tal-Alternattiva Demokratika juru l-appoġġ tagħhom għal din il-kawża.
Adulti għandhom ikunu permessi li jkabbru sa sitt pjanti tal-Marijuana” – reLeaf
Fi stqarrija reLeaf qalet li l-manifest tagħha jiffoka fuq sitt għanijiet li jipprovdu summarju tal-qafas ibbażat fuq ħames mudelli tal-kannabis li huma ta’ suċċess madwar id-dinja.
Dawn l-għanijiet jitrattaw:

  1. L-Iżvilupp, il-kontroll u r-regolizzazzjoni tal-industrija Maltija tal-kannabis mill-Gvern.
  2. L-assigurazzjoni ta’ aċċess għall-Kannabis mediċinali lil dawk li jeħtiġuha.
  3. It-tneħħija ta’ miżuri punittivi u kriminalizzazzjoni tal-utenti tad-droga fis-soċjetà Maltija.
  4. L-allokazzjoni ta’ ċittadini biex jipparteċipaw f’industrija legali u irregolata tal-Kannabis.
  5. It-twaqqif ta’ Faċilitajiet għall-ittestjar tal-Kwalità, jiġu implimentati politiki ta’ tnaqqis tal-ħsara,
  6. L-eradikazzjoni tan-netwerks kriminali u d-dgħjufija tas-suq iswed attwalment preżenti f’Malta

Fil-manifest l-Għaqda saħqet ukoll li l-adulti għandhom ikunu permessi li jkabbru sa sitt pjanti tal-Marijuana. 
Il-kannabis għandha titħalla titkabbar u tinbiegħ minn ħwienet liċenzjati u regolati” – AD
L-AD qalet li tinsab favur ir-regolamentazzjoni tal-kannabis u fakkret li fil-kampanja elettorali pproponiet li min juża drogi qawwija għandu jitqies bħala persuna bi problema medika u soċjali u mhux kriminal u fil-każ tal-kannabis li din tkun legali għal użu personali. 
Iċ-Ċerpersin tal-AD Carmel Cacopardo qal li jħoss li wasal iż-żmien li Malta tieħu l-pass li jmiss fil-politika tad-droga billi ssir politika b'wiċċ uman u mhux waħda ta' ripressjoni fir-rigward tal-kannabis.
"Hi l-bidu ta' sqaq ikrah" – Caritas
Aktar kmieni dan ix-xahar, waqt programm ta’ diskussjoni fuq RTK, Leon Madden mill-Caritas, li wara li ħareġ mill-vizzju tad-droga, iddedika ħajtu biex jgħin lil dawk li għaddejjin mill-istess trawma, qal li l-klijenti kollha jiddeskrivu l-kannabis, bħala dik is-sustanza, li għalkemm mhix b'saħħitha daqs sustanzi oħrajn, hi l-bidu ta' sqaq ikrah. 
Żied jgħid li minkejja l-Caritas tibqa' kontra l-użu tal-kannabis għax tagħmel ħsara lill-individwu li jeħodha, taqbel unanimament li din tintuża għal skopijiet mediċinali. 
Irridu nkomplu nħarrxu il-gwerra kontra t-traffikanti tad-droga” – Julia Farrugia Portelli
Fuq Facebook is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi kitbet li r-riforma li fdalha l-Prim Ministru se ssir ukoll bl-għan li tiħrax il-ġlieda kontra t-traffikant tad-droga, imma li fl-istess ħin min għandu bzonn kannabis ghall-użu mediku jasal għal dan minghajr aktar tbatija.
Saħqet li l-Gvern se jniedi konsultazzjoni biex jiġi stabbilit mod kif adult li jrid ipejjep joint għall-użu personali jkun jista' jsib mekkaniżmi sikuri li jevitaw it-traffikant.