Tkompli l-kontroversja dwar il-ktieb li jakkuża lill-amministrazzjoni ta’ Trump bi tradiment

L-eksajjutant tal-President Amerikan Donald Trump ipprova jbiddel dak li qal meta fost affarijiet oħra akkuża lill-iben il-President bi tradiment lejn pajjiżu.
Fil-ktieb kontroversjali b’allegazzjonijier serji dwar l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, Bannon jitkellem dwar laqgħa sigrieta bejn persuni minn Trump Tower li kienu involuti fil-kampanja elettorali ta’ Trump u grupp ta’ Russi.
Steve Bannon, li tkeċċa mill-White House f’Awwissu li għadda, jiddeskrivi dil-laqgħa bħala waħda ta’ tradiment kbira lejn l-Istati Uniti.
Minkejja dan, wara l-kontroversja kbira li qamet dwar dak li qal, Bannon saħaq li hu kien qed jakkuża bi tradiment lil Paul Manafort, persuna li wkoll kien viċin ħafna Donald Trump u l-kampanja tiegħu.
Dan il-ktieb ħareġ fi żmien meta s-Senat, il-Kamra tar-Rappreżentanti u Kunsill speċjali qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ indħil Russu fl-elezzjoni Presidenzjali li fiha Donald Trump ġie elett President.
Kemm Trump u anke l-Kremlin dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Professur Malti qed ikun imsemmi bħala l-ħolqa bejn il-kampanja Presidenzjali ta’ Trump u r-Russja minkejja li hu ċaħad kull allegazzjoni li saret dwaru.
Rapporti kienu qalu li Joseph Mifsud kien għamel kuntatt ma’ George Papadopoulos, li mexxa l-kampanja presidenzjali ta’ Trump biex jgħidlu li kellu dokumenti li ‘jħammġu’ lil Hillary Clinton.
Qed jingħad ukoll li Mifsud kien laqqa lil Papadopuolos ma’ qariba ta’ Putin. Iżda Mifsud qal li dak li Papadoupoulos qal lill-FBI huwa falz.
Minkejja dan hu kien qal li hu kien iffaċilita biss kuntatt bejn sorsi uffiċjali u oħrajn mhux uffiċjali u qal li Papadopoulos kien talbu kuntatti ma’ diversi pajjiżi mil-istati tal-Golf għall-Amerika Latina biex isaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali.