Tkompli l-kontroversja dwar il-kontijiet; l-ARMS tiċħad tibdil

Il-Partit Demokratiku u l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi lmentaw dwar il-proċedura li qed tintuża mill-Automated Revenue Mangement Systems (ARMS) Ltd għall-kontijiet tad-dawl u tal-ilma filwaqt li l-kumpanija qed tibqa’ tinsisti li ma sarx tibdil.
Il-Partit Demokratiku qal li rċieva numru ta’ ilmenti dwar il-kontijiet tal-ARMS Ltd. Dan għaliex il-kumpanija allegatament qed tbiddel il-perjodu tal-kontijiet biex iżżid ir-rata li biha tista’ tiġbor il-ħlas.
Fi stqarrija, il-PD qal li jilqa’ t-talba tal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi għal investigazzjoni.
Il-PD qal li skont il-Eurostat, it-tariffi residenzjali ma naqsux b’25% imma b’15.6%. Żied jgħid li Malta għandha l-ogħla rata ta’ spiża għall-elettriku għad-djar fl-Ewropa.
Skont il-PD hemm differenza bejn l-użu tal-liġi biex il-kontijiet isiru fuq bażi pro-rata għall-effiċjenza u biex in-nies ikollhom iħallsu aktar.
Il-partit ilmenta dwar is-silenzju tal-Awtorità tal-Konsumaturi (MCCAA) dwar dan kollu. Qal ukoll li hemm bżonn regolatur indipendenti biex iħares l-interessi tal-konsumaturi.
Ma nbidel xejn mill-2009 – ARMS
Fi stqarrija, l-ARMS Ltd qalet li l-formulazzjoni u l-kalkolazzjoni tal-kontijiet tad-dawl u ilma ma nbiddlux minn meta twaqqfet is-sistema fl-2009.
Skont l-ARMS, l-unika tibdil fl-aħħar għaxar snin sar fit-trariffi:

  • 2010: Żieda ta’ 30%
  • 2014 u 2015: Tnaqqis ta’ 25% għall-konsumaturi residenzjali u mhux residenzjali rispettivament 

L-ARMS qalet li l-konsum tal-elettriku bbażat fuq il-konsum attwali ta’ residenza tipika b’żewġ persuni fl-2017 huwa 30.4% irħas minn kif kien fl-2013. Kien hemm ukoll tnaqqis fit-tariffi għal residenzi b’numru differenti ta’ okkupanti.
Il-kumpanija qalet li qed toħroġ 78% tal-kontijiet ibbażati fuq figuri attwali meta mqabbel mal-48% fl-2013. Qalet li dan jagħmilha aktar faċli biex in-nies ikunu jafu bl-eżatt kif qed ikun il-konsum tagħhom.
L-ARMS temmet tgħid li qed tikkoopera mal-awtoritajiet f’kull evalwazzjoni li qed issir fil-proċeduri tal-kontijiet fl-2018.   
Dalgħodu l-gazzetta The Sunday Times of Malta qalet li l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi qalet li l-konsumaturi qed jiġu mċaħħda minn kontijiet orħos minħabba l-mod ta’ kif qed jinħadmu l-kontijiet.
L-Assoċjazzjoni stqarret li hija favur kontijiet kull xahar għax jipermettu lill-familji jippjanaw aħjar.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN se jkun qed idur il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ta’ dawk li jmorru għand il-partit bihom.
Waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-PN, Delia qal li l-Gvern li fl-2013 tela’ bl-għajta dwar kontijiet tad-dawl u ilma għoljin issa qed jisraq lill-poplu Malti.  Skont Delia, permezz tal-mod kif qed jaqsam il-kontijiet u jagħmel il-kalkoli, il-Gvern qed jidħak bin-nies.