Tkompli l-kompetizzjoni Gozo vs Sicily

Il-Gozo Motorcross Association (GMA) flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u Gozo Sports Board organizzaw it-tieni parti tal-ġemellaġ Gozo vs Sicily. Dan l-avveniment sar fit-trakka Ta’ Xħajma.

Minbarra Klassijiet A, B, C u D, saret kompetizzjoni oħra għal sewwieqa veterani fejn ħadu sehem erba’ sewwieqa li xi darba jew oħra kienu sewwieqa tajbin, saħansitra anke champions. Frank Xuereb, Mark Camilleri, Scott Donavan u Antonino Muscolino sewwieq Sqalli ta’ 71 sena li għadu attiv fl-isport tal-Motocross fi Sqallija, kienu s-sewwieqa veterani li pparteċipaw f’din il-klassi.

Xuereb rebaħ din is-sezzjoni segwit minn Muscolino u Mark Camilleri rispettivament.

F’dawn il-kompetizzjonijiet kien hemm ukoll żewġ sewwieqa ta’ 13 u 14-il sena, Antoine Muscat u Mark Camilleri rispettivament. Dan tal-aħħar iddebutta l-ewwel darba fit-trakka Ta’ Xħajma propju nhar il-Ħadd li għadda. Fi klassi D ħadu sehem żewġ sewwieqa femminili, il-Maltija Nicole Cutajar u l-Għawdxija Emma Xuereb. F’din il-klassi, fl-ewwel post daħal Michael Sant, segwit minn Steve Cassar u Mark Attard fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Fi klassi C kien Sylvan Caruana li daħal fl-ewwel post. L-Isqalli Peppe Cernuto ġie fit-tieni post segwit minn Anthony Fenech li daħal fit-tielet pożizzjoni. Fil-kategorija B, Jorn Stellini sab ruħu fit-tielet post filwaqt li Robert Spiteri daħal fit-tieni post. Intant, din il-klassi giet mirbuħha minn Daniel Portelli.

Fi Klassi A, kien Kyle Camilleri li akkwista l-ewwel post. Warajh daħal Steve Xuereb segwit minn Garry Debono.

Il-GMA ħabbret li nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru 2019, se ssir it-tieni rawnd mill-kampjonat Motocross ġewwa Għawdex. It-tlielaq jibdew fis-1:00pm u l-pubbliku qed ikun imħeġġeġ jattendi u jagħti s-sapport tiegħu lil dan l-isport.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.