Tkompli l-isfida biex jinġabru 50 borża demm kuljum

L-isfida biex jinġabru 50 borża demm kuljum se tkompli wkoll matul is-sena l-ġdida.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iħeġġeġ lin-nies biex bħala riżoluzzjoni għas-sena l-ġdida, persuna b’saħħitha tibda tagħti d-demm. Iħeġġeġ ukoll lid-donaturi regolari biex ikomplu jagħtu s-servizz tagħhom.
Min jixtieq jagħti d-demm jista’ jagħmel dan billi jżur ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġja. Dan jiftaħ kuljum, anke fil-festi pubbliċi, mit-8.00am sas-6pm. Nhar il-Ħadd li ġej, wieħed jista’ jżur ukoll il-Mobile Blood Donation li se jkun stazzjonat maġenb l-iskola primarja, fi Pjazza Frederico, Ħal Qormi.
Barra minn hekk, professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja se jagħtu xi servizzi marbuta mas-saħħa, fosthom il-kejl tal-pressjoni u l-livell taz-zokkor fid-demm. Il-ħin allokat għal din is-sessjoni hu bejn it-8.30am u s-1.00pm.
Is-Servizz javża wkoll li mill-Ħadd li ġej, bejn it-8.00am u s-1.00pm, id-Dipartiment tal-Outpatients fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkun disponibbli għan-nies li jixtiequ jagħtu d-demm.
Min jixtieq iwettaq ir-riżoluzzjoni għas-sena 2016, għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport Malti, u jħajjar lil xi ħaddieħor jagħmel bħalu.