L-avukati ta’ Keith Schembri jiċħdu x-xhieda ta’ David Casa li heddewh

Aġġornat 06:09 PM

Read in English.

Illum kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bix-xhieda tal-MEP David Casa.

Fix-xhieda tiegħu, l-MEP qal li huwa kien ġie mhedded mill-avukati taċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Keith Schembri meta ppreżenta rapport li sar mill-FIAU fuq 17 Black. Qal li t-theddid sar permezz ta’ ittra indirizzata lilu direttament.

L-avukati ta’ Schembri ħarġu stqarrija wara l-inkjesta li fiha qalu li dan mhux minnu, u huma “qatt ma kellhom ebda kuntatt, dirett jew indirett mal-imsemmi David Casa.”

Xi spikka mix-xhieda ta’ David Casa?

  • Meta kien preżenta rapport li sar mill-FIAU, ġie mhedded mill-avukati ta’ Keith Schembri.
  • Casa jgħid li ma ħassux sigur, lanqas barra minn Malta.
  • Il-Kummissarju tal-Pulizija offrielu li jagħlaq l-Għassa tal-Gżira biex jipprovdih bil-protezzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija.
  • Casa qal li m’għandux provi ta’ ħlasijiet li saru bejn il-Partit Nazzjonalista u Yorgen Fenech biex hu ma jerġax jitla’ bħala Membru Parlamentari Ewropew fl-elezzjoni tal-2019, imma jaf li b’xogħlu kien qed idejjaq lil Fenech.
  • Casa jispjega li ngħata r-rapport mingħand uffiċjali fl-FIAU li ħassew li l-Pulizija ma kinitx qed tinvestiga kif missha tinvestiga fir-rigward tal-ħasil tal-flus u tal-Bank Pilatus.  
  • L-MEP qal li l-Gvern Malti sikwit xekklu milli jagħmel xogħlu, billi ddeskrivieh bħala traditur.
  • Ma jemminx lil Ian Abdilla li l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda ma kkoperawx mal-awtoritajiet Maltin peress li l-Ambaxxatur infurmah li l-Emirati Għarab Magħquda jridu jikkoperaw għax ma jridux jidhru li huma involuti fil-qtil ta’ ġurnalista Ewropea.
10:51 Grazzi talli segwejtuna. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
10:50 Is-seduta li jmiss hija fit-12 t'Awwissu.
Sephora Francalanza
10:37 Il-Bord japprova din it-talba u l-MEP se jkompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
10:37 L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi lill-Bord jekk Casa jistax ikompli jixhed fil-magħluq.
Sephora Francalanza
10:33 Jgħid li l-Ambaxxatur infurmah li l-Emirati Għarab Magħquda jridu jikkoperaw għax ma jridux jidhru li huma involuti fil-qtil ta' ġurnalista Ewropea.
Sephora Francalanza
10:30 L-MEP beħsiebu jibqa' jaħdem biex jistabbilixxi FIAU Ewropea.
Sephora Francalanza
10:29 Casa kkonferma li l-awtoritajiet f'Dubaj infurmaw lill-awtoritajiet Maltin biex jagħmlu talba uffiċjali sabiex l-informazzjoni fuq l-investigazzjoni tkun tista' tingħata.

Lill-Qorti provdielha kopja tal-korrispondenza tiegħu mal-Ambaxxatur tal-Emirati Għarab Magħquda.
Sephora Francalanza
10:27 Ix-xhud jgħid li għamel kuntatt mal-Ambaxxatur tal-Emirati Għarab Magħquda għall-Ewropa biex jikkonferma li l-awtoritajiet mhumiex jikkoperaw.
Sephora Francalanza
10:25 Ma jemminx lil Ian Abdilla meta dan jgħid li l-Emirati Għarab Magħquda ma kkoperawx.
Sephora Francalanza
10:24 Jgħid ukoll li għadu qed jistenna lill-awtoritajiet ta' Dubaj biex jipprovdu lill-awtoritajiet Maltin b'informazzjoni fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
10:22 Casa jżid jgħid li kien kiteb lill-Avukat Ġenerali tal-Emirati Għarab Magħquda b'konnessjoni mal-kumpanija 17 Black.
Sephora Francalanza
10:21 Ir-rapport jispjega:

– Il-konnessjonijiet bejn 17 Black, Keith Schembri u Konrad Mizzi

– Il-ħidma tal-Bank Pilatus u Nexia BT

– Il-pagamenti bejn nies involuti fil-proġett tal-powestation u f'17 Black

– Dettalji fuq il-korruzzjoni tal-ftehim tal-windfarms f'Montenegro

– €1 miljun biex jiġu trasferiti lil Cheng Chen, il-persuna li nnegozjat il-ftehim bejn l-Enemalta u Shanghai Electric
Sephora Francalanza
10:16 Il-Bord issa jistaqsi lil Casa fuq ir-rapport tal-FIAU u 17 Black.
Sephora Francalanza
10:15 "Il-Gvern Malti ddeskrivieni bħala traditur," jgħid Casa, filwaqt li jispjega li bħala MEP jixtieq jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi tal-Maltin. Beħsiebu jibqa' jagħmel dan akkost ta' kollox.
Sephora Francalanza
10:15 Casa jispjega li hu u jagħmel xogħlu, ħass li l-awtoritajiet Maltin kienu qegħdin itellfuh.
Sephora Francalanza
10:12 Dawn iż-żewġ kumpaniji kienu dawk li fetħu kumpaniji sigrieti għal persuni fil-politika fi ħdan il-Gvern Malti.
Sephora Francalanza
10:11 Jgħid li l-awtoritajiet m'għandhomx jinsew li Nexia BT kienet qed tirrappreżenta lil Mossack Fonseca.
Sephora Francalanza
10:09 L-MEP jgħid li Ali Sadr, sid il-Bank Pilatus, għandu jiġie estradit lejn Malta biex jaffaċċja akkużi kriminali minħabba ħasil tal-flus.
Sephora Francalanza
10:07 Casa jispjega li ngħata r-rapport mingħand uffiċjali fl-FIAU li ħassew li l-Pulizija ma kinitx qed tinvestiga kif missha tinvestiga fir-rigward tal-ħasil tal-flus u tal-Bank Pilatus.
Sephora Francalanza
10:05 L-Avukata Therese Comodini Cachia tistaqsi lil Casa jispjega d-dettalji fuq il-konnessjonijiet bejn Keith Schembri u Konrad Mizzi kif ġie rrappurtat fir-rapport tal-FIAU.
Sephora Francalanza
10:03 Permezz tar-rapport tal-FIAU jista' jinftiehem li kien hemm rabta bejn Noor Bank u l-proġett tal-windfarms f'Montenegro.
Sephora Francalanza
10:02 L-MEP issa jispjega r-rapport tal-FIAU li hu kien irċieva imma ma kienx ippubblika għax il-liġi ma ppermettitlux li jagħmel dan dak iż-żmien.
Sephora Francalanza
09:59 Jgħid, iżda, li jinsab ċert li xogħlu kien qed jirrita lil Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
09:58 Casa jgħid li m'għandux provi ta' ħlasijiet li saru bejn il-Partit Nazzjonalista u Yorgen Fenech biex hu ma jerġax jitla' bħala Membru Parlamentari Ewropew fl-elezzjoni tal-2019.
Sephora Francalanza
09:56 "Lil Daphne ħallejnieha waħedha. Kienet vulnerabbli fiż-żmien meta nqatlet."
Sephora Francalanza
09:55 L-MEP jgħid li ma riedx iċaħħad lir-residenti Gżirjani milli jkollhom għassa miftuħa 24 siegħa kuljum, allura m'aċċettax l-offerta.
Sephora Francalanza
09:54 Casa jgħid li wara r-rapporti li għamel mal-Pulizija, il-Kummissarju tal-Pulizija informa lil Casa li hu lest jagħlaq l-Għassa tal-Gżira biex jipprovdih bil-protezzjoni ta' uffiċjali tal-pulizija.
Sephora Francalanza
09:51 Jikkonferma li t-theddida mibgħuta mill-avukati ta' Schembri saret permezz ta' ittra li ntbagħtet direttament lilu.
Sephora Francalanza
09:48 Meta kien preżenta rapport li sar mill-FIAU, ġie mhedded mill-avukati ta' Keith Schembri.
Sephora Francalanza
09:48 Ikkonferma li ma jħossux sigur meta jkun barra mill-uffiċċju, anke barra minn Malta. Kien hemm drabi meta talab lill-Korp tal-Pulizija biex jipprovdih bi protezzjoni.
Sephora Francalanza
09:46 Jgħid li hu wkoll ġie mhedded.
Sephora Francalanza
09:45 Casa jgħid li minkejja li mhux parti mill-Korp tal-Pulizija, bħala MEP, ħass id-dover li jinvestiga.
Sephora Francalanza
09:43 Il-Bord jistaqsi lix-xhud biex jagħti informazzjoni fuq il-kumpanija sigrieta 17 Black.
Sephora Francalanza
09:39 Jitla' jixhed David Casa.
Sephora Francalanza
09:39 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol f'awla 20.
Sephora Francalanza
09:33 Fl-aħħar seduta xehed il-Ministru Evarist Bartolo, l-ewwel Ministru li ntalab jixhed. Mistenni jixhed ukoll, fil-ġejjieni, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Sephora Francalanza
09:33 Fis-seduta tal-lum mistenni jixhed l-MEP David Casa.
Sephora Francalanza
09:33 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

L-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-istat u l-awtoritajiet setgħux jagħmlu iktar biex il-ġurnalista ma tinqatilx.

Fl-aħħar seduta xehed il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Il-Ministru Bartolo qal li Keith Schembri kellu poter kbir fil-Kabinett u fil-Partit.
  • Insista li d-dettalji tal-persuni involuti f’tal-isptarijiet u tal-Electrogas ma kinux diskussi fil-Kabinett.
  • Qal li snin twal ilu kien intalab imur għal fenkata għand negozjant, fejn kien hemm anke avukati kbar, mar darba u ma marx aktar. Qal li hemm kienu qed jiddiskutu affarijiet ta’ artijiet.
  • Bartolo qal li l-pajjiż għandu żewġ kabinetti: dawk li jiltaqgħu f’Kastilja u dawk li jiltaqgħu fuq id-dgħajjes. Qal li personalment iħoss li hemm bżonn eżami nazzjonali tal-kuxjenza, kemm il-politiċi u anke l-qrati, eċċ.
  • Implika li dan “ix-shadow government” kien immexxi minn Keith Schembri.
  • Bartolo qal li l-finanzjarjament tal-partiti jrid ikun pubbliku biex dawn ma jibqgħux f’idejn in-negozjanti.

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.