Dalgħodu kompliet l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li qed tara jekk kienx hemm nuqqas min-naħa tal-istat u l-istituzzjonijiet tiegħu illi kieku ma sarx, il-qtil tal-ġurnalista seta’ jkun evitat. Illum xehed Dr Arthur Azzopardi, li kien ir-rappreżentant legali ta’ Vince Muscat, il-Koħħu.
10:10 Is-seduta li jmiss se tkun nhar l-Erbgħa 8 ta' Lulju fid-9.30am. Grazzi talli segwejtu dan il-blogg. Il-ġurnata t-tajba.
10:09 Dr Arthur Azzopardi se jkompli jixhed wara bibien magħluqa.
10:09 Azzopardi qal li l-Pulizija riedet tagħti l-maħfra presidenzjali lill-Koħħu għax fi kliemu kien jimmeritaha.
10:08 L-Avukat Jason Azzopardi qed jistaqsi meta l-Koħħu semma lil Melvin Theuma mal-Pulizija.
"Fl-24 ta' April 2018. Kien ċarissimu li Theuma kien qed jaġixxi f'isem ħaddieħor", wieġeb Dr Azzopardi.
10:08 Żied jgħid li hu minn dejjem kien konxju li Daphne ġiet assassinata mhux dwar dak li kien ġie żvelat imma dwar dak li kienet għadha ma ppubblikatx.
10:07 Dr Azzopardi żied jgħid li min ried jagħmel konnessjoni seta' jagħmel dan.
10:06 "Il-Pulizija kienu konxji bl-isem ta' Melvin Theuma u li kien hemm rabtiet ma' Yorgen Fenech u l-qtil, f'April 2018" – Dr Arthur Azzopardi
10:05 Dr Arthur Azzopardi qed jgħid li l-każ kien qed jaffettwa lil saħħtu b'mod negattiv.
10:05 Azzopardi qal ukoll li t-theddid fuq il-ħajja ta' Vince Muscat intensifika, madanakollu ma kinux jafu minn fejn kien ġej u min kien warajh.
10:03 Dr Arthur Azzopardi qal li "kien grazzi għall-Ispettur Keith Arnaud li l-Pulizija żiedet in-numru ta' patrols fiz-zona fejn tgħix il-familja tiegħu".
10:01 Azzopardi qed jgħid li hu talab protezzjoni għal Vince Muscat u l-familja tiegħu, imma li l-eks Kummissarju tal-Pulizija qalilhom li jekk jagħmlu dan, ikunu jafu li Vince Muscat kien il-persuna li qed tagħti dettalji dwar l-assassinju.
10:00 Azzopardi xehed li Vince Muscat kien inkwetat ukoll għax kien jaf li waħda minn uliedu kienet fil-mira, "kien jaf li riedu jitfgħulha l-aċtu".
09:59 Fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, il-Koħħu ma kienx jiekol l-ikel li jingħatalu, u meta kien jiekol kien jaqsmu ma' ħabsin oħra. Kien jiekol biss l-ikel li jasallu minn qrabatu, spjega Dr Azzopardi.
09:58 "Il-Koħħu kien inkwetat li ħajtu kienet fir-riskju ladarba ddeċieda li jikkopera mal-Pulizija", żied jgħid Azzopardi.
09:57 Jiftakar ukoll laqgħa fid-Depot tal-Pulizija ma' Silvio Valletta, u li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-Ispettur Arnaud. Dr Azzopardi jgħid li Valletta kien qalilhom li jridu jiċċekkjaw u jikkonfermaw dettalji dwar leaks fuq l-assassinju.
"L-Ispettur Arnaud kien sorpriż", qal Dr Azzopardi.
09:51 L-Avukat Azzopardi jsemmi laqgħa partikolari li saret fl-2018 bejn l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Keith Schembri li kien iċ-Chief of Staff ta' Muscat. F'din il-laqgħa Muscat feraħ lill-Pulizija dwar l-investigazzjonijiet. Azzopardi qal li l-Ispettur Keith Arnaud kien infurmah b'dan.
09:50 Arthur Azzopardi jgħid li Vince Muscat ried jikkollabora mal-Pulizija dwar l-assassinju ta' Daphne.
09:48 Dr Azzopardi stqarr li Vince Muscat kien talbu biex jispjegalu x'inhi maħfra presidenzjali u jekk tistax tingħatalu (lil Koħħu). Żied jgħid li hu kien iżuru regolarment fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
09:46 Parti mix-xhieda tiegħu se tinstema' b'bibien magħluqa.
09:44 Dr Azzopardi staqsa jekk hu jistax jixhed fl-inkjesta pubblika dwar Daphne. Huwa kien ir-rappreżentant Legali ta' Vince Muscat, "Il-Koħħu".
09:43 Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
09:37 Jitla' jixhed Dr Arthur Azzopardi.
09:35 Bonġu u nilqgħukom għal dan il-blogg live.