L-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum fil-magħluq

Miguela Xuereb

Read in English.

Dalgħodu kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda nstemgħet fil-magħluq. Is-seduta bdiet fid-9.30am.

Nhar l-Erbgħa li ġej mistenni jixhed l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla li kien imexxi s-sezzjoni tal-kriminalità ekonomika.

Fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra qal li Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, qalilhom fl-interrogazzjoni li hu kien jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 minn Diċembru tal-2016.

Ħarġu allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li huwa sejjaħ elezzjoni kmieni għaliex kien jaf bil-pjan tal-assassinju. Muscat irreaġixxa billi qal li Fenech kien jaf qablu, jekk dan hu minnu.

Zahra kompla jixhed fil-magħluq.

Fl-aħħar seduta apparti l-Ispettur Kurt Zahra li hu wieħed mill-investigaturi ewlenin fil-każ, xehdu l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri, u Dr Michael Grech, iċ-Chairman tat-Teatru Manoel.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fl-interrogazzjoni Yorgen qalilhom li kien jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 f’Diċembru tal-2016
  • Fl-istess perjodu li sar jaf, ġew attivati s-sim cards li kienu fil-burner phones tat-tliet akkużati bil-qtil
  • L-Ispettur Kurt Zahra qatt ma immaġina li tinqatel Daphne, minkejja li kienet tikteb fil-blogg
  • Fil-11-il jum wara li ġie arrestat Melvin Theuma, il-Kummissarju Lawrence Cutajar dejjem kien ikun preżenti
  • “Kien ikun jaf min ikollu jkun jaf” dwar l-investigazzjoni
  • Zahra kien imħasseb ħafna fuq l-informazzjoni li bdiet tiġi żvelata mill-investigazzjoni
  • Matthew Caruana Galizia sab filmat li juri li Keith Schembri mhux veru kien ma’ Joseph Muscat meta sar jaf li nqatlet Daphne
  • Sena u nofs qabel inqatlet Daphne, it-Teatru Manoel irċieva proposta biex itella’ dramm bl-isem “Min Qatel lil Daphne Caruana Galizia?” miktub minn Mario Philip Azzopardi; ġie rifjutat
  • Wara li nqatlet, Azzopardi ssottometta skritt “Ix-Xiħa” li fih karattru ta’ bloger jixbah lil Daphne; id-dramm ġie rifjutat