Tkompli l-ħolma Ewropea ta’ Chelsea grazzi għal Giroud

Gowl bir-ras ta’ Olivier Giroud fil-logħba kontra Liverpool, naqqas id-distakk ta’ Chelsea minn mal-istess Liverpool u Tottenham Hotspurs li jinsabu fit-tielet u fir-raba’ post tal-klassifika rispettivament.
Dan ifisser li Chelsea għadhom jistgħu jikkwalifikaw għall-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League. Il-gowl tal-attakkant Franċiż wasal wara ftit aktar min-nofs siegħa logħob u nibet minn cross ta’ Victor Moses.
Kien f’Jannar l-għadda li Giroud sar plejer ta’ Chelsea għal £18 miljun wara li skorja 105 gowl f’253 logħba m’ Arsenal. Għalkemm Liverpool kellhom madwar siegħa ċans biex jiksbu d-draw, huma ma rnexxilhomx jegħlbu lil Thibaut Courtois.
Mohammed Salah, li s’issa kien l-iktar attakkant prolifiku għal dan l-istaġun fil-Premier League Ingliż b’31 gowl, sabha ferm diffiċli biex jiskurja kontra l-eks tim tiegħu u ġie wkoll muri l-karta s-safra ħabba simulazzjoni.