Fearne jaqbel mal-Kunsill tal-Fgura biex ir-razzett ma jitwaqqax

Tkompli l-battalja legali kontra t-twaqqiegħ ta’ razzett antik

“Ma rridux, li jekk kemm–il darba dan ir-razzett jinqered, il-ġenerazzjonjiet ta warajna jgħidu li m’għamilniex dak kollu possibbli biex insalvaw dan l-aħħar wirt tal-Fgura l-antika”. Hekk qal is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli li f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li l-Kunsill Lokali li jmexxi se jkompli bil-battalja legali kontra t-twaqqiegħ ta’ razzett antik.

Għall-konferenza kien hemm ukoll Astrid Vella, mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, fejn sejħet għall-għajnuna u l-intervent tal-awtoritajiet biex jiġi protett ir-razzett milli jinqered.

Għal din l-aħbar, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jaqbel mija fil-mija. Fearne kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-2013 meta kkontesta fuq ir-raba’ distrett li l-Fgura tifforma parti minnu.

Il-Ħamis li għadda t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ikkonferma d-deċizjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-ħruġ ta’ permess li se jippermetti t-twaqqieħ tal-aħħar razzett li għandna fil-Fgura li jinsab fi Triq Hompesch.

Huwa tkellem dwar il-ħidma tal-Kunsill fejn semma kif fl-1995 ressaq applikazzjoni quddiem il-MEPA biex ir-razzett jiġi skedat. Din l-applikazzjoni kienet intlaqgħet u r-razzett ġie skedat fi grad 3.

Qal li l-iskedar baqa’ fis-seħħ sal-2019 minkejja li tul dak il-perjodu, kien hemm minn tal-inqas tliet talbiet mis-sid sabiex dan l-iskedar jitwaqqa, liema talbiet ġew rifjutati, sakemm finalment tneħħa l-iskedar.

Dwar il-battalja legali, is-Sindku qal li immedjatament kif ħarġet is-sentenza saru laqgħat mal-Avukat li f’isem il-Kunsill Lokali qed jieħu ħsieb dan il-każ kif ukoll laqgħat u kommunikazzjonijiet mal-Kunsillieri biex jiddeċiedi t-triq ‘il quddiem.

Sostna li din hija l-missjoni tagħhom bħala Kunsill biex il-wirt tal-Fgura jibqa’ għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-Sindku temm b’ringrazzjament lill-Avukat Jonathan Attard u lill-Perit David Vassallo tal-għajnuna professjonali tagħhom kif ukoll lill-Kunsilliera tal-Fgura kollha.