Tkisser Kurċifiss u patrijiet kienu attakkati fil-Vjetnam

Pulizija pajżana u gruppi armati mixtrija mill-awtoritajiet lokali, attakkaw u sawtu grupp ta’ patrijiet u nsara lajċi li kienu jinsabu fil-Monasteru kattoliku ta’ Thien An, fil-Vjetnam. Il-patrijiet kienu qed jippruvaw iwaqqafu lill-pulizija milli jkissru Kurċifiss li hemm fil-bitħa tal-kunvent.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8.00 a.m. tat-28 ta’ Ġunju meta marmalja ta’ madwar 100 persuna daħlu fil-kunvent, jidgħu kemm jifilħu kissru il-Kurċifiss.  Imbagħad bdew jattakkaw u jsawtu lill-patrijiet li ppruvaw jerġgħu jwaqqfu l-Kuċifiss u jipproteġu statwa oħra fil-qrib, bl-insara lajċi jippruvaw jiddokumentaw dan l-attakk.  Filwaqt li kien għaddej dan l-attakk, numru ta’ pulizija ntbagħtu fil-post biex ma jħallux lil-lajċi insara oħra jidħlu fil-kunvent.
Patri Peter Cao li assista għal dan l-attakk jiddiskrivih hekk: “Bdew iwaddbu l-ġebel lejn il-patrijiet u laqtu xi erba’ minnhom. Il-Pulizija, fit-tkissir tal-Kurċifiss kienu megħjuna minn xi nisa u rġiel oħra. Ma ħallewniex nerġgħu ntellgħu l-Kurċifiss u lill-patrijiet li marru biex jiġbru s-salib bdew jiġbduhom minn xagħarahom u mil-libsa. Tnejn mill-patrijiet sfaw feruti u l-ieħor intilef minn sensih bis-swat. Kienet xena orribbli”,
Għalkemm l-aggressuri kienu liebsa ħwejjeġ komuni, Fr Peter għaraf numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija għax kien iltaqa’ magħhom qabel.
Mara li wkoll assistit għal dan l-attakk qalet li aktar minn 100 persuna marru fil-monasteru biex ikissru l-Kurċifiss u statwa oħra. Din ma kinitx xi ħaġa spontanja imma ippjanata mill-Gvern lokali li jrid jieħu l-art fejn hemm il-kunvent.
Din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-kunvent safa attakkat. Kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016 kienu saru attakki simili u tkissru l-Kurċifiss u l-istatwa ta’ Kristu, iżda fiż-żewġ okkażżjonijiet kienu ġew restawrati mill-patrijiet u l-komunità reliġjuża.
Ritratt: Arkivji