“Tkellmu intom ukoll dwar San Vinċenz” – Il-PD lill-MP

Archives

Il-Partit Demokratiku bagħat imejl iffirmat mill-Membri Parlamentari Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia sabiex il-membri parlamentari kollha flimkien jiddiskutu fil-Parlament il-każ tad-direct order li ngħatat b’rabta ma’ proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda ġdida fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Fl-imejl ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ azzjoni jew kummenti min-naħa tal-Membri Parlamentari, li sostnew huwa nuqqas lejn il-ġurament li ħadu meta saru Membri Parlamentari.

Fl-aħħar jiem id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis bdew imeru lil xulxin dwar min għamel l-iżball. Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva l-Erbgħa insista li dak kien żball min-naħa tad-dipartiment, id-DOI insista li ppubblika dak li talab minnu s-Segretarjat u għaldaqstant ma kienx skorrett. Fil-ġimgħat li għaddew, is-Segretarjat kien ċaħad kategorikament li ngħatat xi direct order ta’ €274 miljun lil JCL & MHC Consortium.

Fl-ittra tagħhom, il-Membri Parlamentari tal-Partit Demokratiku qalu li dan l-investiment hemm bżonn jiġi skrutinizzat mill-oppożizzjoni u l-back-benchers tal-Partit Laburista fil-Parlament.

Spjegaw ukoll li l-Partit Demokratiku kiteb ukoll lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jiddiskutu u jressqu għall-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, il-proċess tal-kuntratt li qed iqajjem tant mistoqsijiet.

Jekk tixtieq taqra kif żvolġa l-każ biċċa biċċa tista’ tagħmel dan minn hawn.