Aġġornata: Il-GWU tgħid li l-ħaddiema ta’ Palumbo mxebbgħin

Palumbo Malta Shipyards ċaħdet li dalgħodu l-ħaddiema ma daħlux għax-xogħol bi protesta għax tkeċċa ħaddiem. Madankollu l-GWU qalet li l-protesta seħħet għax il-ħaddiema xebgħu jkunu intimidati.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-ħaddiem li waqqfet mix-xogħol kien ilu jaħdem magħha anqas minn sitt xhur u għalhekk kien għadu taħt probation. Spjegat li ħidmietu ma kinitx sodisfaċenti u mġibtu ma kinitx aċċettabli u kellu diversi twissijiet verbali mill-kumpanija.
Qalet li għalkemm mhux obbligata, iddeċidiet li se tħallas lill-ħaddiem involut sa tmiem il-kuntratt tiegħu fl-20 ta’ Awwissu.
Spjegat li b’din is-sitwazzjoni ġiet infurmata l-GWU u dalgħodu marru rappreżentanti tagħha biex jiddiskutu s-sitwazzjoni.
Temmet tgħid li għalkemm hija kumpanija Taljana, hija timpjega 110 ħaddiem, li 90% minnhom huma Maltin. 
Intant il-GWU kkundannat dak li sejħtilu attentat mit-tmexxija tat-Tarzna ta’ Palumbo biex tgħawweġ il-fatti li ġraw dalgħodu.
"Ir-realtà hi li l-ħaddiema xebgħu jkunu intimidati" – GWU
Fi stqarrija, il-GWU qalet li r-realtà hija li l-ħaddiema xebgħu jkunu intimidati. Żiedet tgħid li l-protesta tal-lum mill-ħaddiema kienet turija ta’ dan u b’appoġġ għall-mod inġust u arbitrarju li bih tkeċċa wieħed minn fosthom. 
Hija ċaħdet li l-ħaddiem intemmlu l-impjieg għax kien arroganti ma’ xi membru tal-management u stqarret li kien l-istess membru tal-management li pprova iġġiegħel lill-ħaddiem jikteb u jiffirma l-ittra tar-riżenja mill-impjieg u li hedded lill-istess impjegat li jekk mhux se jagħmel kif qed jgħidlu kien se jġiblu l-pulizija.
Żiedet tgħid li minħabba li l-ħaddiem żamm sod u ma waqgħax għat-theddid u l-intimidazzjoni, il-management ivvinta l-iskuża li dan ma laħaqx il-livelli mixtieqa u b’hekk keċċieh..
Hija wissiet lill-management tat-Tarzna ta’ Palumbo biex b’mod immedjat iwaqqaf dan l-atteġġament arroganti u intimidatorju.
Temmet tgħid li lesta tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi biex tipproteġi l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-imsieħba tagħha fit-Tarzna ta’ Palumbo, inkluż waqfien mix-xogħol.