“Tkeċċejna inġustament” – Letturi jiftħu protest kontra l-AUM

AUM site

Ħames akkademiċi li kienu impjegati mal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) fetħu proċedura fil-Qorti fejn qed jallegaw li ġew imkeċċija b’mod inġust.
Fil-protest, il-ħames akkademiċi, Dawn Adrian Saliba, Stephen Robert Wassell, Leonid Simon Tevlin, Mark William Neal u Marlen Elliot Harrison sostnew li huma ġew użati minn Sadeen Group sabiex iġibu akkreditazzjoni aħjar, u insistew li l-Università qatt ma kellha l-intenzjoni li ttihom impjieg fit-tul.
Irrimarkaw kif il-kumpanija użat il-wiegħda ta’ pagi għoljin u benefiċċji attraenti sabiex jakkwistaw letturi kwalifikati u ta’ esperjenza minn barra, imbagħad ħalliethom lampa stampa meta l-kuntratt tagħhom intemm wara biss sitt xhur.
Ftit qabel ma spiċċa t-terminu ta’ sitt xhur prova, f’Diċembru tal-2017, il-ħames letturi bdew jingħataw numru kbir ta’ rwoli li ma kellhom x’jaqsmu xejn mat-tagħlim. Dan sostnew li ġara minħabba deċiżjonijiet inkompetenti li wasslu sabiex jitwaqqfu l-persuni li kienu qed jaħdmu fl-amministrazzjoni.
Fost il-persuni fl-amministrazzjoni li tkeċċew mill-iskola kien hemm id-Direttur tal-Marketing, id-Direttur tal-Ammissjonijiet, il-Viċi President tal-Affarijiet Akkademiċi u l-istaff tal-ammissjonijiet. Sostnew li t-tkeċċija tal-aħħar wasslet sabiex ikun impossibli li wieħed iġib studenti lejn l-Università.
Sostnew li dan wassal sabiex ikun hemm numru żgħir wisq ta’ studenti li applikaw għall-kors terzjarju mal-AUM.
Il-protest, iffirmat mill-avukat Michael Tanti-Dougall, ikompli billi jgħid li fl-10 ta’ Jannar tal-2018, il-kuntratt tal-ħames letturi twaqqaf minn Sadeen Group, mingħajr ma taw l-ebda tip ta’ raġuni ħlief iż-żmien ta’ prova.
L-akkademiċi qed jinsistu li dawn id-deċiżjonijiet wassluhom sabiex isofru minn problemi emozzjonali u finanzjarji, speċjalment minħabba li tħallew mingħajr il-possibiltà li jippjanaw il-futur tagħhom u tal-familji tagħhom.