Tkeċċa għax kiel biċċa ħobż li kienet se tintrema

Coulson Loptmann kien ilu jaħdem ma’ waħda mill-ikbar kafetteriji fid-dinja, Starbuck, għal din l-aħħar sena. Nhar it-Tnejn li għadda, kien l-aħħar jum tiegħu fil-kċina ta’ Starbucks. Dan għaliex dakinhar, ir-raġel ta’ 21 sena tkeċċa mix-xogħol għax kiel biċċa ħobż li kienet se tintrema.

Bħal ħafna kumpaniji tal-ikel kbar, l-ikel fi Starbucks għandu ħin speċifiku li fih irid jisserva. Jekk jiskadi dan il-ħin, li ġieli jkun minuti, l-ikel ikollu jintrema. Loptmann kien ilu ma jiekol mill-bidu tal-ġurnata xogħol tiegħu, tmien siegħat qabel.

Il-kok kien għadu kif immarka sandwich partikolari bħala skaduta u ntefgħet fil-ġenb, lesta biex tintrema. Loptmann, ħaseb li ladarba kienet se tintrema, s-sandwich seta’ jeħodha hu. U hekk għamel.

Ftit jiem wara, il-maniġer ta’ Starbucks f’Seattle sejħet għal-Lopmann. Qaltlu li skont ir-regoli tal-kumpanija, li għamel hu kien jitqies bħala serq. Mingħajr aktar spjegazzjoni, il-maniġer urietu l-bieb u qaltlu li jista’ ma jiġix aktar għax-xogħol.

Dan l-inċident wasal biss ftit jiem qabel ma tiġi organizzata protesta minn ħaddiema ta’ kumpaniji kbar tal-ikel u x-xorb. Waqt id-dimostrazzjoni, se tkun qed tintalab biex il-paga minima tal-ħaddiema tkun ta’ $15 Amerikan fis-siegħa.