Tkaxkar bankina, tħalli l-karozza hemm u titlaq għax-xogħol

Mara li dalgħodu beżgħet li se tasal tard ix-xogħol ħalliet il-karozza tagħha fejn hi u marret tippanċja…il-problema li ħallietha mifqugħa fi tliet bollards u siġra.
Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.15am fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, xħin il-mara mir-Renju Unit ta’ 49 sena residenti Tas-Sliema, kienet sejra x-xogħol u kienet ftit tard.
Jidher li bil-fixla telgħet fuq bankina, daħlet f’siġra u tajret tliet bollards sakemm il-karozza waqfet. Inqala’ anki xi madum mill-art bis-saħħa tal-impatt.
Iżda jidher li lanqas dan ma qata’ qalb il-ħaddiema li ma riditx tasal tard ix-xogħol, akkost ta’ kollox.
Hija qabdet, ħalliet il-karozza fejn hi u marret ix-xogħol.
Aktar tard ġiet infurmata li l-vettura tagħha se tiġi rmunkata, u li trid tħallas tad-danni.
Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident…u aktarx il-mara waslet tajjeb għax-xogħol.