Tkanta l-Ave Maria waqt li neħħewlha tumur minn moħħha

Sarah-May Philo qabdet tgħid iċ-ċajt u kantat l-Ave Maria filwaqt li l-kirurgu kien qed ineħħilha tumur minn moħħha waqt operazzjoni ta’ disa’ sigħat.

Il-mara ta’ 34 sena minn Glasgow u li hija għalliema ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali, kienet taf li kien se jkollha tibqa’ f’sensiha għall-maġġoranza tal-operazzjoni. Iżda t-tobba qatt ma basru li se tkun daqsekk interattiva l-operazzjoni.

Hija kella tibqa’ titkellem għal madwar tmien sigħat sħaħ biex it-tobba jkunu jafu jekk hux qed jiġi affettwat id-diskors. Hija spiċċat titkellem mal-professjonisti u t-tobba li kienu qed jassistu fl-operazzjoni filwaqt li ċċajtaw flimkien.

Sarah-May qalet li l-intervent affaxxinaha u talbithom jieħdu r-ritratti waqt l-operazzjoni. Issa għandha album sħiħ ta’ kif jidher moħħha minn ġewwa.