Tkabbir ekonomiku sostennibli jwassal għal pensjonijiet stabbli – Ministru Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-istabbilità fis-sistema tal-pensjonijiet tista’ tiġi biss jekk ikun hemm tkabbir ekonomiku sostennibli u governanza fiskali responsabbli u effettiva.
Il-Professur Edward Scicluna qal dan waqt Business Breakfast organizzat mill-Business Observer li matulu ġew diskussi diversi fatturi u soluzzjonijiet dwar ir-riforma tal-pensjonijiet.
Il-Ministru Scicluna spjega li d-diskussjoni dwar ir-riforma tal-pensjonijiet għandha ssir ta’ spiss biex tlaħħaq mal-kuntest ekonomiku li jinbidel minn żmien għal żmien.
Żied jgħid li jekk kull Gvern jaħdem favur it-tkabbir ekonomiku jkun qed jaċċerta pensjonijiet adegwati u sostennibli
Ħeġġeġ lil dawk kollha nvoluti fil-qasam tal-pensjonijiet biex ma jieħdux pożizzjonijiet allarmanti fuq il-pensjonijiet u talabhom biex jipproponu soluzzjonijiet kostruttivi. 

Ritratt: DOI – Martin Attard