Aġġornata: Tkabbir Ekonomiku: Malta bl-iktar; l-Italja bl-inqas

Aġġornata bi stqarrija mill-Gvern

Skont il-Kummissjoni Ewropea, fost il-pajjiżi Ewropej, Malta mistennija tara l-akbar tkabbir ekonomiku għas-snin 2020 u 2021. Mill-banda l-oħra, l-Italja se tara l-inqas tkabbir.

Statistika li ħarġet fuq is-sit tal-Kummissjoni, Malta mistenni li jkollha tkabbir ta’ 4.2% fl-2020, u 3.8% fis-sena ta’ wara. Fit-tieni post tinstab ir-Rumanija, li hi mbassra li tikber bi 3.6% fl-2020, u bi 3.3% fl-2021. 

L-Italja tinsab fl-aħħar post fejn sas-sena d-dieħla mistennija tara tkabbir ta’ 0.4% biss.  

Il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija 1.4%, bl-għan li sas-sena 2027 tibqa’ l-istess rata.

Aqra: L-ekonomija Maltija kibret b’4% bejn April u Ġunju li għadda

Kif sejra l-Ewropa?

Il-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-ekonomija Ewropea issa tinsab fis-seba’ sena konsekuttiva ta’ tkabbir u huwa previst li tkompli tespandi fl-2020 u fl-2021. Is-swieq tax-xogħol għadhom b’saħħithom u l-qgħad qed ikompli jonqos.

Hija żiedet li t-tensjonijiet kummerċjali persistenti bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina kif ukoll livell għoli ta’ inċertezza politika, speċjalment fil-qasam kummerċjali, kellhom impatt negattiv fuq l-investiment, il-manifattura u l-kummerċ internazzjonali.

Credit: European Commission

Surplus mistenni jibqa’ stabbli – Gvern

Fi stqarrija, il-Gvern spjega li filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi madwar pajjiżna mistennija jmorru għall-agħar, xorta l-esperti Ewropej qed jikkonkludu li f’Malta, attivita’ ekonomika tibqa’ b’saħħitha.

Dan ifisser li, minkejja li l-Gvern ser iżid ħafna l-investiment pubbliku, u fil-Baġit 2020 ħabbar diversi miżuri favur l-anzjani, familji u persuni b’diżabilità, is-surplus fil-finanzi ta’ pajjiżna mistenni jibqa’ stabbli.

Il-Gvern żied jgħid kif iż-żieda fid-domanda domestika ġejja l-iktar minn tkabbir sod f’investmenti, speċjlament minħabba proġetti kbar fl-avjazzjoni, saħħa u turiżmu.

Matul is-sentejn li ġejjin, iż-żieda fl-ispiża rikorrenti pubblika f’pajjiżna mistennija tkun id-doppju tal-medja Ewropea, filwaqt li l-investiment pubbliku mistenni jkun darba u nofs ir-rata medja fiż-żona ewro. Minkejja dan, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li, sal-2021, il-piż tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna mistenni jonqos taħt id-39% tal-ġid nazzjonali.

Il-Gvern stqarr li huwa kommess li jkompli jinvesti bis-sħiħ fl-ikbar programm ta’ spiża kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna biex l-infrastruttura tissaħħaħ u tkun lesta għall-futur.

Filmat: “Minn 7% għal bejn 5% u 6% għat-tkabbir ekonomiku; xorta b’saħħtu”