Tiżvelawx wisq dwar l-investigazzjonijiet tad-droga – Mifsud lill-ġurnalisti

Il-Maġistrat Joe Mifsud, f’isem il-Qorti, appella lill-midja lokali biex ma tiżvelax tagħrif li jkollha dwar postijiet u metodi li jintużaw mill-Pulizija fl-investigazzjoni tal-abbużi tad-droga, għaliex it-traffikanti jistgħu jużaw dan it-tagħrif għall-vantaġġ tagħhom.

Il-Maġistrat wera t-tħassib tiegħu fuq iż-żieda fil-każijiet marbuta mal-abbuż tad-droga, “li qed jirrovina lis-soċjetà Maltija.” Huwa aċċenna għat-tixrid tad-droga f’okkażjonijiet soċjali bħall-festi, fejn jimxi s-“suq moqżież” li hu bla konfini, u hu ta’ periklu għaż-żgħażagħ.

Kompla jgħid li jeħtieġ li f’Għawdex, il-ħidma kontra d-droga tkun kordinata direttament ma’ Malta, b’persuni jissorveljaw iż-żewġ gżejjer, kif diġà sar u kien ta’ suċċess.