Tiżdied it-tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti

Il-Korea ta' Fuq iddikjarat li rnexxielha tittestja b'suċċess armamenti li għandhom il-kapaċità jisparaw missili f'distanza twila biżżejjed sal-Istati Uniti.
Din l-aħbar qed tkompli żżid it-tensjoni, xahar biss wara li l-istess Korea ta' Fuq kienet ħabbret li rnexxielha tittestja l-ewwel bomba idroġena u sparat l-ewwel rokit f'distanza fit-tul.
Ix-xandir tal-istat tal-Korea ta' Fuq xandar filmati tal-mexxej Kim Jong-un jassisti għall-aħħar testijiet nukleari ta' dawn l-armamenti.
Qed jingħad li l-Korea ta' Fuq qed tħejji ruħha b'dawn il-manuvri wara li riċentament l-Isati Uniti u l-Korea t'Isfel wettqu l-ikbar taħriġ militari fl-istorja.
Minkejja li ż-żewġ Korei ilhom weqfin mill-ġlied għal dawn l-aħħar 60 sena, teknikament huma dejjem baqgħu meqjusa bħala li jinsabu fi stat ta' gwerra.