Read in English.
Qed tiżdied il-pressjoni fuq il-Kunsill Ewropew biex tittieħed azzjoni dwar Malta waqt is-summit li qed isir bejn illum u għada.
Illum il-President tal-Parlament Ewropew Charles Maria Sassoli bagħat ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel b’rapport li jitlob għal azzjoni dwar Malta. Ir-rapport inkiteb minn Juan Aguilar u Sophie in ‘t Veld wara l-missjoni tal-PE lejn Malta.
F’ittra oħra l-PE jitlob lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen biex tibda tinvestiga lil Malta b’rabta mar-rispett lejn il-liġijiet.
Il-ġimgħa d-dieħla l-PE se jkun qed jiddibatti s-sitwazzjoni f’Malta. Se jittieħed vot fuq reżoluzzjoni l-ġimgħa d-dieħla.
Sophie in ‘t Veld qalet lil Newsbook.com.mt li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu f’Malta. Prova ta’ dan kien l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sven Giegold mill-partit tal-ħodor qal li s-summit m’għandux jibqa’ sieket dwar il-problemi f’Malta.
Bżonn azzjoni urġenti
Il-President tal-PE qal lil von der Leyen li s-sejbiet tal-missjoni f’Malta huma inkwetanti ħafna u li trid tittieħed azzjoni urġenti.
Sassoli qal li jibżgħu li s-separazzjonijiet tal-poteri tinsab taħt theddida u li investigazzjonijiet ta’ reati serji jaf jibqgħu ma jiġux konklużi.
Il-PE talab lill-Kummissjoni biex tibda l-proċeduri neċessarji kontra Malta minnufih.