Tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfajliet Maltin fil-handball

Il-Malta Handball Association (MHA) ħabbret li din is-sena se jerġa’ jiġi organizzat lig tal-handball għat-tfajliet taħt is-17-il sena, hekk kif din is-sena kien hemm żieda sostanzjali mis-snin ta’ qabel fin-numru ta’ applikanti.
L-MHA irrappurtat li fil-kategoriji ż-żgħar bħalissa hemm total ta’ 7 timijiet tat-tfajliet u 10 timijiet tas-subien fuq 3 ligs. 
Id-Direttur tal-Marketing tal-MHA, Orlando Bonnici, faħħar il-ħidma tal-assoċjazzjoni, anke fl-iskejjel, biex iktar żgħażagħ mhux biss jiċċaqalqu iktar imma jibdew jieħdu interess f’dan l-isport.
Fi stqarrija, l-MHA ħabbret li t-tim tal-Kavallieri RS2 qiegħed fuq quddiem fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, kemm fil-kategorija tas-subien kif ukoll dik tal-bniet.
Qalet ukoll li t-tim Swieqi Garmin Malta Phoenix qiegħed fuq quddiem fil-kategorija tat-tfajliet ta’ taħt il-15-il sena. 
It-timijiet l-oħra li qed jippartecipaw fil-ligs huma t-timijiet ta’ La Salle Handball Club, Luxol Handball Club u Aloysians Handball Club.
Persuni li jixtiequ jibdew jilagħbu dan l-isport huma mistiedna jibgħatu ittra elettronika lil info@maltahandball.com.