Tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-iskejjel

Il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-iskejjel qed tiżdied hekk kif din is-sena, 363 ġenitur tefgħu n-nomina biex ikunu membri fil-Kunsilli Skolastiċi.
Ta’ min jgħid li l-ġenituri Għawdxin huma l-aktar li jipparteċipaw fl-iskejjel hekk kif l-iskejjel kollha f’Għawdex jiġifieri 11-il primarja u żewġ sekondarji ser ikollhom elezzjoni.
It-363 ġenitur jinkludu wkoll dawk l-iskejjel fejn mhux ser issir elezzjoni minħabba li ma jkunux intefgħu aktar minn tliet nominazzjonijiet.
Nhar il-Ġimgħa li ġej se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi f’45 skola, jiġifieri żieda ta’ 150% fin-numru ta’ elezzjonijiet li saru fl-2013 meta saru elezzjonijiet fi 18-il skola. 
Il-ġenituri tat-tfal se jirċievu l-vot id-dar u se jivvutaw fl-iskola fejn jattendu uliedhom.
Hekk kif il-Kunsill Skolastiku jinvolvi rappreżentanza mill-membri tal-istaff, 318-il membru tal-istaff tefgħu n-nomina tagħhom.