Tiżdied il-paga tal-għalliema; Iffirmat ftehim bejn l-MUT u l-Gvern

L-edukaturi kollha se jkollhom aktar riżorsi u l-għalliema se tiżdidilhom il-paga hekk kif il-Gvern u l-MUT qablu fuq ftehim li se jara aktar investiment fl-edukaturi fil-ħames snin li ġejjin.
Kemm l-MUT kif ukoll il-Gvern ħabbru dan hekk kif ġie ffirmat dan il-ftehim li sar wara konsultazzjoni estensiva bejn iż-żewġ partijiet.
Il-ftehim settorali ġdid li se jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena 2018 u li se jagħti viżjoni għall-ħames snin li ġejjin, jiġifieri sas-sena 2022.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan il-ftehim se jaffettwa lill-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat kif ukoll dawk tal-Knisja, u se jkun qed jinvesti fihom b’mod dirett biex ikunu jistgħu jipprovdu l-aqwa esperjenza edukattiva lill-istudenti. Fl-istess ħin, se jiġi żgurat li x-xogħol tal-għalliema jkun aktar dinjituż u rrispettat, fost l-oħrajn permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo stqarr li huwa kuntent ħafna, kif ukoll li kkometta ruħu sabiex il-kundizzjonijiet tal-edukaturi jkunu verament sodisfaċenti. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Francis Fabri sostna li dan il-ftehim huwa msejjes fuq numru ta’ prinċipji, fosthom li jagħti valur mill-ġdid lit-tagħlim relevanti u ta’ kwalita fil-klassijiet, kif ukoll li jattira aktar żgħażagħ lejn il-professjoni.
Intant, l-MUT qalet li “wara tant żmien nisimgħu dwar il-kriżi tal-għalliema, nisperaw li fis-snin li ġejjin naraw sitwazzjoni aħjar fis-settur tagħna, b'titjib biex inħeġġu liż-żgħażagħ biex jidħlu fil-professjoni.”
Il-President tal-MUT Marco Bonnici stqarr ukoll li “bir-rieda tajba wasalna għal ftehim bejn iż-żewġ partijiet li jikkonsisti f’tibdil sostanzjali, iżda l-għanijiet tagħna huma li ntejbu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi, li nagħmlu ġustizzja mal-membri u li nwasslu servizz aħjar lill-istudenti. Din tal-aħħar dejjem kienet f’moħħna u huwa żgur li ma ridniex li nnaqqsu s-servizz tal-istudenti f’dan il-ftehim.”
Ritratti: DOI – Kevin Abela