Tiżdied il-kwota tat-tonn bi 48 tunnellata

Il-kwota tat-tonn tal-Gżejjer Maltin se tiżdied bi 48 tunnellata, jiġifieri minn 271 għal 319 tunnellata, mis-sena d-dieħla.
Dan ħabbru lbieraħ is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, wara li ntemmet il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku, ICCAT.
Waqt il-laqgħa, li ilha għaddejja iktar minn ġimgħa fil-Marokk, ġew approvati għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, bl-għan li tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-ispeċi tal-ħut li jaqgħu taħt il-kappa ta’ din il-Kummissjoni.
Camilleri spjega li l-iktar rakkomandazzjoni li tolqot lil Malta hija dik tat-tonn ta’ denbu blu, hekk kif il-kwota żdiedet bi kważi 20% wara li studji xjentifiċi mwettqa matul din is-sena urew li l-popolazzjoni tat-tonn qiegħda tirkupra sew.
Camilleri kompla jgħid li sentejn oħra, il-kwota tat-tonn se tkompli tiżdied, iżda għadha trid tiġi nnegozjata fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-laqgħa tal-ICCAT li jmiss se tiġi organizzata f’Marzu li ġej, sabiex jiġi ffinalizzat l-abbozz tal-pjan tal-ġestjoni tat-tonn li tħejja wara diversi laqgħat bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Skont Camilleri, f’dan l-abbozz, Malta daħħlet ukoll id-derogi kollha mitluba għad-dgħajjes artiġjanali.