Tiżdied il-kriminalità f’Għawdex

Il-Gvern interessat jara x’wassal għal din iż-żieda

Read in English.

Ir-rata ta’ kriminalità f’Għawdex żdiedet bejn l-2018 u l-2019. Ir-rapporti reġistrati mal-Pulizija f’Għawdex żdiedu minn 719 għal 823 każ.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li dan jikkuntrasta mar-rata ta’ kriminalità f’Malta minħabba li qal li fl-2019 il-każijiet f’Malta naqsu. Huwa qal dan mingħajr ma semma l-għadd ta’ każijiet f’Malta.

Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru Camilleri stqarr li “bl-għajnuna tal-esperti l-awtoritajiet huma interessati jaraw x’wassal għal dan anke fid-dawl li fl-2019 ir-rata ta’ kriminalità fil-gżejjjer Maltin naqset”.

Bejn l-2017 u l-2018, ir-rata ta’ kriminalità naqset b’7% u t-tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità kienet l-inqas rata rrekordjata f’dawn l-aħħar 14-il sena.

Fl-2018, l-Ministru Michael Farrugia, dak iż-żmien Ministru għall-Intern, kien qal li r-rata tal-kriminalità f’Malta qed tonqos minkejja li qed tiżdied il-popolazzjoni.

F’Novembru li għadda, il-Ministru Farrugia kien qal fil-Parlament li “l-Pulizija tieħu l-miżuri kollha biex titnaqqas il-kriminalità”. Stqarr li minħabba “raġunijiet ovvji” ma jħossx li jkun prudenti li tingħata informazzjoni dwar miżuri u kif il-pulizija tikkordina l-ħidma tagħha għal dan l-għan.