Jiżdied il-biża’ dwar il-possibilità ta’ protesti armati matul l-inawgurazzjoni ta’ Biden

REUTERS/Kevin Lamarque/File Photo

Read in English.

Qed jiżdied it-tħassib li l-inawgurazzjoni ta’ Joe Biden bħala President tal-Istati Uniti se tkun imxekkla minn protesti armati. Dan it-tħassib kien iddikjarat mill-FBI wara  rapporti li gruppi armati qed jippjanaw li jiltaqgħu fil-50 stat u f’Washington. 

L-FBI ħarġet din it-twissija hekk kif qed tiżdied is-siġurtà minħabba dan l-avveniment. Joe Biden u l-Viċi President eletta Kamala Harris huma mistennija li jieħdu l-ġurament għall-ħatra matul ċerimonja fil-Capitol, l-istess sit li l-ġimgħa l-oħra kien attakkat minn grupp ta’ persuni radikali li jappoġġjaw lil Trump. 

L-uffiċjali tas-sigurtà huma kunfidenti fl-isforzi tagħhom li mhux se jerġgħu jirrepetu ruħhom ix-xeni ta’ vjolenza li kien hemm il-ġimgħa l-oħra.

Intant, il-membri tal-Partit Demokratiku fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti komplew bl-isforzi tagħhom biex jitneħħa Donald Trump, jekk dan ma jirriżenjax minn jeddu jew ma jitneħħiex mill-kariga tiegħu qabel dan iż-żmien, wara li ħejjew akkużi kontrih li xewwex dawn ir-rewwixti qabel ma seħħ l-attakk tal-ġimgħa li għaddiet fuq il-Capitol.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn