Tiżdied id-domanda tal-pakketti u tonqos dik tal-ittri

Meta mqabbel ma’ sentejn ilu, jidher li l-familji Maltin rċievew u  bagħtu l-istess volum ta’ ittri. Madanakollu jidher li d-domanda għas-servizz postali tal-pakketti żdiedet, b’aktar min-nofs il-familji intervistati jgħidu li rċievew xi pakkett bil-posta matul l-aħħar sena. Jirriżulta li 20% ta’ dawn il-familji qalu li l-pakketti tagħhom ma waslulhomx permezz tal-MaltaPost imma permezz ta’ operaturi oħrajn.
Fl-istħarriġ li ġie ippubblikat mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, l-MCA, irriżulta li għalkemm 89% tal-familji kienu sodisfatti bil-kwalità ġenerali tas-servizz postali pprovdut mill-Maltapost, 38% tal-familji lesti li jaqilbu għal alternattivi mhux postali, u minflok jużaw mezzi oħra bħal l-imejls, jekk il-prezz tal-posta jiżdied.
37% tal-familji Maltin jgħidu li huma sodisfatti bil-livell ġenerali tal-prezzijiet tal-MaltaPost. Dan jikkuntrasta mar-riżultat ta’ stħarriġ simili li sar fl-2011 meta 66% tal-familji kienu sodisfatti bil-prezzijiet.