Tiżdied id-dilemma dwar embrijuni ffriżati fid-divorzju

Qed jisħnu d-dibattiti dwar min għandu d-dritt għall-embrijuni ffriżati, wara divorzju.
Każ pubbliku ħafna li jinvolvi l-attriċi Kolombjana Sofia Vergara li riedet twaqqaf lill-eks-sieħeb tagħha milli juża l-embrijuni li huma ħolqu flimkien, filwaqt li hu ried li jiġu impjantati fil-ġuf ta’ mara oħra.
F’Colorado, każ simili qed jinstema’ fil-qorti. Meta l-koppja Rooks kienu miżżewġin, użaw l-IFV biex kellhom it-tliet itfal tagħhom u kien baqa’ sitt embrijuni. Issa li l-koppja ddivorzjaw, il-missier irid li jeqred l-embrijuni, iżda Mandy Rooks tgħid li tixtieq iżżommhom għal tqala fil-futur.
Avukat li qed tirrappreżenta ‘l omm qalet fil-qorti li l-avukat tad-divorzju għamel żball meta niżżel l-embrijuni bħala proporjetà taż-żwieġ.
Tgħid li dawn it-tfal embrijuni huma riżultat ta’ prokreazzjoni u m’humiex proprjetà.
Mijiet ta’ eluf t’embrijuni ffriżati
Fl-Istati Uniti biss, hemm mijiet ta’ eluf ta’ embrijuni ffriżati. Filwaqt li xi wħud qed jistennew li jiġu trasferiti u impjantati, xi wħud qed jistennew deċiżjoni dwar x’se jiġri minnhom.
Fl-Istati Uniti, ma hemm limitu legali dwar kemm l-embrijuni jistgħu jibqgħu ffriżati, iżda xi pajjiżi oħra jirregolaw iż-żmien. Fir-Renju Unit hemm limitu ta’ għaxar snin.
Xi ġenituri jagħtu l-embrijuni ‘żejda’ tagħhom lil koppji infertili oħra, u oħrajn jagħtuhom għax-xjenza medika.
Ħafna oħra jibqgħu jipposponu d-deċiżjoni u jħallsu biex l-embrijuni jiġu maħżuna għal żmien indefinit.
L-adozzjonijiet tal-embrijuni
Studjużi tal-etika Katoliċi ilhom jiddibattu dwar il-moralità ta’ dawk li jissejħu adozzjonijiet tal-embrijuni. Xi wħud jgħidu li qed jiġu salvati l-ħajjiet u oħrajn jgħidu li din il-kompliċità mal-proċedura immorali tal-IVF.
Jidher li sakemm l-embrijuni ffriżati jibqgħu meqjusa proprjetà tal-koppja, l-imħallfin se jkunu liberi jiddeċiedu kif dawn għandhom jitqiesu f’każ ta’ divorzju.
Mingħajr liġijiet speċifiċi, f’xi stati Amerikani, se jkun f’idejn il-koppji li jiddeċiedu u jaqblu fil-ftehim li jsir qabel jiżżewġu.