Tiżbroffa l-Etna: Jingħalaq l-ajruport ta’ Katanja

Żbroff qawwi tal-vulkan Etna fi Sqallija wassal sabiex għall-ħabta tas-7pm tas-Sibt ingħalaq l-ispazju tal-ajru tal-ajruport ta’ Katanja. Ħames titjiriet li kellhom jaslu f’dan l-ajruport kellhom jinżlu Palermo minflok. Intant titjiriet li kellhom jitilqu minn Katanja, fosthom waħda lejn Malta, kellhom jittardjaw.

Rapporti minn Sqallija juru li dan l-iżbroff kien wieħed qawwi ħafna u dam għaddej għal madwar siegħa. Dan seħħ minn ‘crater’ ġdid fix-xlokk tal-vulkan. Qabel l-iżbroff, kien hemm attivita’ moderata fl-Etna għal madwar 24 siegħa sħaħ. Mill-vulkan, dehru ħerġin funtani għoljin ta’ lava (madwar 600-700 metru) b’xita qawwija ta’ rmied tinżel fuq l-irħula tal-madwar.

http://c.brightcove.com/services/viewer/federated_f8/1418452869

Għall-ħabta tat-8pm, l-Istitut Nazzjonali tal-Ġeofiżika u l-Vulkanoloġija irrapporta li kien waqaf l-iżbroff tal-irmied u għalhekk l-ajruport reġa’ infetaħ. Iżda jibqa’ l-istat t’allertà.

Il-ġurnalista ta’ Newsbook, Janice Bartolo li inzertat fl-ajruport ta’ Katanja meta ingħalaq minħabba l-iżbroff tal-Etna irrappurtat li l-passiġġieri li kellhom jaslu Malta f’23:45, spiċċaw waslu madwar nofs siegħa tard, hekk kif fortunatament l-ajruport ma nżammx magħluq għal ħin twil.