​Tixtieq tiżfen u qatt ma tgħallimt? Aħtaf l-opportunità f’Għawdex

Jekk tixtieq tiżfen u qatt ma kellek esperjenza fiż-żfin se jkollok l-opportuinità li tagħmel dan f’Mejju li ġej.
Spazju Kreattiv qed jistieden żgħażagħ Għawdxin li għandhom bejn it-13 u s-17-il sena biex jipparteċipaw fi proġett taż-żfin u tal-moviment maż-żeffiena u koreografa Gdalit Neuman bejn l-1 u t-12 ta’ Mejju li ġej f’Għawdex.
Gdalit Neuman se tkun Għawdex bħala parti mill-Programm Artisti f’Residenza tal-Fondazzjoni Kreattività, flimkien ma’ Valletta 2018. Din is-sena, madwar 20 artist minn madwar id-dinja kollha se jgħixu fir-Residenza fl-Għarb, u se jaħdmu fuq diversi proġetti mal-komunitajiet Għawdxin.
Gdalit Neuman hija żeffiena, koreografa u edukatriċi Kanadiża/Iżraeljana. Żifnet mar-Rina Schenfeld Dance Theatre u ma’ The Israeli Opera, u għamlet koreografija indipendenti kemm fl-Iżrael kif ukol fil-Kanada, u kienet fil-fakultà tal-Iskola Nazzjonali tal-Ballet tal-Kanada u fid-Dipartiment taż-Żfin tal-Università ta’ York.
Għal aktar informazzjoni tista’ żżur is-sit ta’ Spazju Kreattiv.